Kont tafu li sal-ġurnata tal-lum terz biss mill-astronawti tal-aġenzija Amerikana tal-ispazju huma nisa? Jew li l-attriċi Judi Dench, id-disinjatur tal-moda Karl Lagerfeld u Laura Ingalls Wilder (il-kittieba ta’ kotba tat-tfal Little House) kollha kisbu s-suċċess meta kellhom età avvanzata? Jew inkella li r-rapper magħruf bħala Lil Wayne, il-kantawtriċi Billie Eilish u l-attur Tom Cruise kollha għandhom diżabbilitajiet moħbija?
Il-programm ġdid għat-tfal, F’Idejna, se jkun qed ikopri numru ta’ suġġetti diffiċċli imma importanti, b’mod interessanti u sempliċi. Per eżempju mhux kulħadd jaf li l-problema tal-‘ageism’ (bil-Malti preġudizzju jew diskriminazzjoni minħabba l-età) ma taffettwax biss lil nies anzjani, imma anki liż-żgħażagħ. Eżempju ċar hu li f’ċerti ġonna pubbliċi u stazzjonijiet tal-metro fl-Amerika, ġie mwaħħal apparat imsejjaħ ‘The Mosquito’ li minnu joħroġ ħoss skomdu immens li jisimgħuh biss teenagers u żgħażagħ. Bir-riżultat li dawn qed ikollhom jevitaw il-ġonna u l-istazzjonijiet tal-metro. Ir-raġuni li dan qed jiġri hu li widnejn nies ’il fuq minn 25 sena ikunu tilfu l-abbilità li jisimgħu dal-ħoss partikolari. L-iskuża li l-awtoritajiet Amerikana taw għaliex installaw dan l-apparat hu li skont huma, it-teenagers u ż-żgħażagħ joħolqu vandaliżmu f’postijiet pubbliċi, waqt li anki jagħmlu l-istorbju. M’għandnix xi ngħidu, diversi assoċjazzjonijiet qed jipprotestaw kontra din l-
inġustizzja li qed issir maż-żgħażagħ.
Imbagħad, waqt li kulħadd sema’ bil-kantawtur u attur Amerikan Lenny Kravitz, ftit jafu li l-artist ħadem man-Nazzjonijiet Uniti sabiex jiġġieled kontra r-razziżmu u jippromwovi l-ugwalità madwar id-dinja. Dan għax fl-2019, Kravitz ħareġ b’kanzunetta u b’vidjo mużikali bl-isem ta’ Here To Love, liema kanzunetta qed tiġi wżata għall-kampanja kontra r-razziżmu. Here To Love hi dwar kif għandna ngħixu flimkien u nħobbu lil xulxin bħall-aħwa. Imbagħad waqt intervista li għamel, Kravitz spjega li joħlom li d-dinja tuża Here To Love bħala l-innu mondjali, minflok ma kull pajjiż juża l-innu nazzjonali tiegħu.
Bi preżentazzjoni ta’ ħames preżentaturi tfal (Hollie Micallef, Bradley Camilleri, Ana Galea, Andy Liviu Zachin u Shazney Barbara), il-programm għandu l-produzzjoni ta’ Ruth Frendo, li fil-passat ipproduċiet is-serje televiżiva popolari tat-tfal bl-isem ta’ Lilliput. F’Idejna jibbenifika minn grant tal-Active Citizens Fund mill-Iżlanda, minn Liechtenstein u min-Norveġja, grazzi għall-EEA Grants li f’pajjiżna hu amministrat minn SOS Malta. Il-programm se jkun qed jinkludi intervisti, filmati esklussivi, vox pops, stejjer, vidjos mużikali, trailers minn films, u quizzes, fost ħafna oħrajn.
F’Idejna se jibda jixxandar minn April mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-08:35, fit-15:35 u fis-19:15; b’repetizzjoni nhar ta’ Sibt fit-15:35 fuq l-istazzjon ONE