Madwar 4,500 minn aktar minn 100 skola f’Malta u Għawdex qegħdin jipparteċipaw fil-kampanja ‘Żrieragħ għall-Istudenti’, imnedija minn Ambjent Malta.
L-għan ta’ din il-kampanja huwa li, minn età bikrija, it-tfal ikunu mgħallma u involuti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent naturali.
F’din l-attività studenti tal-ewwel sena ingħataw l-opportunità jiżirgħu żrieragħ biex jimmarkaw il-bidu tar-Rebbiegħa.
Iż-żrieragħ, li ngħataw lill-istudenti biex meta jikbru jitħawwlu fl-iskola jew fid-djar taghħom, kienu jinkludu żrieragħ ta’ pjanti indiġeni bħal Siġret il-Virgi, Siġra taċ-Ċipress, Siġra taż-Żnuber, Siġra tal-Għargħar, Siġra tal-Ħarrub.
Uffiċjal xjentifiku għoli fi ħdan Ambjent Malta spjega kif l-inizjattiva wieżnet ukoll l-aspett edukattiv, b’materjal li tqassam kemm għand l-istudenti iżda wkoll għand l-edukaturi tagħhom.
“F’din l-inizjattiva wkoll aħna qegħdin nagħtu lill-edukaturi pakkett ta’ informazzjoni, bl-informazzjoni kollha fuq dawn il-pjanti u anki fuq din l-attività. Qed nagħmlu ukoll vidjow ċkejken animat li jispjega lill-istudenti kif għandna niżirgħu din iż-żerriegħa, kif għandna nieħdu ħsiebhom u għaliex huma importanti.”