Tnieda prospectus ġdid tal-MCAST għall-korsijiet part-time, fejn studenti prospettivi għandhom għażla ta’ aktar minn tliet mitt kors fuq bażi part-time, f’oqsma varjati.
F’konferenza tal-aħbarjiet fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid, id-Deputat Prinċipal, Stephen Vella spjega l-varjetá tal-korsijiet li qed toffri din l-istituzzjoni, fejn għall-ewwel darba, wieħed jista’ jagħżel ukoll li jagħmel kors part-time fuq livell ta’ dottorat.
Huwa fakkar ukoll kif persuni li japplikaw għal uħud minn dawn il-korsijiet jistgħu jibbenefikaw mill-programm Get Qualified, li jagħti somma lura minn dak li jkun intnefaq mill-istudent biex japplika għall-kors.
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, fakkar kif dan l-istitut edukattiv huwa wieħed immexxi mill-industrija, u għalhekk l-istudenti fi ħdanha jkunu mħarrġa skont il-bżonnijiet tal-istess industrija.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima nnota kif dawn il-korsijiet u ħafna aktar li joffru l-MCAST huma marbuta mas-settur tax-xogħol u mhux mal-istitut, hekk kif dan l-istitut edukattiv huwa wieħed li verament iħares lejn ir-realtà tad-dinja tax-xogħol.