L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival tant popolari Mużika Mużika jinsab biss ftit ħin ’il bogħod. Is-sala massiva tal-MFCC f’Ta’ Qali qed timtela b’mijiet li jinsabu ħerqanin u entużjasti biex jassistu għal spettaklu ieħor mill-aqwa.
Dan il-festival jiġi organizzat minn Festivals Malta, aġenzija li hija impenjata biex toffri spettakli tal-ogħla livell grazzi għall-investiment li qe disir anki biex tkompli tissaħħaħ l-industrija tad-divertiment lokali.
Il-Festival se jkun maqsum fuq tlett ijiem. Illejla, 20 kanzunetta se jkunu qegħdin jikkompetu għalk-post fil-finali.
Għada, il-Ġimgħa, l-20 semifinalist se jinterpretaw kanzunetti klassiċi Maltin flimkien ma’ kantanti stabbiliti lokali, u mbagħad jitħabbru t-12-il finalist tal-festival.
Il-quċċata tintlaħaq nhar is-Sibt bis-serata finali, fejn it-12-il finalist jiġru l-aħħar parti tat-tellieqa sal-barkun metaforiku.
L-aqwa tliet kanzunetti se jirbħu somma €20,000, €10,000 u €5,000 rispettivament. Tajjeb li wieħed jinnota li kanzunetti li se jgħaddu għall-finali se jingħataw għajnuna finanzjarja ta’ 500 ewro kull wieħed biex isiru l-arranġamenti orkestrali meħtieġa.
Ic-Chairman tal-Festivals Malta, Aaron Zahra, irrimarka li l-avveniment ma’ jiċċelebrax biss il-kapaċitajiet tal-kant, iżda ukoll il-lingwa Maltija, li qed tingħata pjattaforma oħra importanti.
Qal, “F’dawn it-tlett ijiem illi ġejjin se nkunu qegħdin niċċelebraw il-lingwa Maltija. Mużika Mużika joffri pjattaforma qawwija ħafna lill-artisti lokali.”
Iċ-Chairman tal-Festivals Malta ħeġġeġ lill-poplu sabiex jsegwi dan il-Festival u jagħti s-sapport lill-artisti lokali kollha. Huwa żied jgħid li bħala tim jinsabu impenjati li joffru spettaklu mill-isbaħ kemm lill-mijiet li se jkunu preżenti fis-sala kif ukoll lit-telespettaturi.
Stqarr, “Inħarsu ’l quddiem sabiex, kif għidt, fi ftit minuti oħra jibda Mużika Mużika, bil-finali tkun nhar is-Sibt illi ġej.”
Huwa qal li jinsab kburi bit-tim kbir li ħadem fuq il-festival, avveniment ieħor li juri biċ-ċar il-kapaċitajiet tat-talent lokali.