Il-President ta’ Malta kompla bl-impenji tiegħu fil-Latvja bħala parti minn żjara uffiċjali li qed jagħmel f’dan il-pajjiż Baltiku.
Fit-tieni u l-aħħar jum taż-żjara, Il-President fost l-oħrajn iltaqa’ mal-Ministru għall-Affarjiet Barranin tal-Latvja, Edgars Rinkēvičs, u żar il-librerija Nazzjonali Latvjana, fejn ippreżenta diversi kotba fuq Malta, il-kultura Maltija, u l-lingwa Maltija.
Għal-laqgħa mal-Ministru għall-Affarjiet Barranin tal-Latvja, il-President kien akkumpanja, fost l-oħrajn, mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-President u l-Ministru ddiskutew is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Mediterran kif ukoll l-aħħar żviluppi fin-naħa t’isfel tar-reġjun, partikolarment is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni irregolari.
L-impenji tal-President komplew hekk kif flimkien mad-delegazzjoni Maltija, żaru l-kumpanija TILDE, li tispeċjalizza fit-teknoloġija tal-lingwa bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali. Din il-kumpanija qed tikkollabora ma’ entitajiet pubbliċi Maltin, fosthom l-Università ta’ Malta, il-MITA, u l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, sabiex ikompli jissaħħaħ is-settur tar-riċerka u l-iżvilupp fiż-żewġ pajjiżi.