Transport Malta ħarġet tmien skemi ġodda fil-forma ta’ għotjiet finanzjarji biex jiġi nkorraġġit l-użu ta’ trasport nadif u sostenibbli, kif ukoll alternattiv.
Dan se jsir b’investiment ta’ €26 miljun f’għotjiet finanzjarji se jkunu disponibbli għall-pubbliku, li jinkludi l-iskema minn fondi Ewropej imħabbra aktar kmieni din il-ġimgħa.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mit-Trasport Aaron Farrugia, fejn intqal li dan huwa l-akbar pakkett ta’ inċentivi finanzjarji għat-trasport ta’ dan it-tip.
L-uffiċjal ta’ Transport Malta Pierre Montebello qal li bħala regolatur tat-trasport, Transport Malta tinsab kommessa li toffri aktar opportunitajiet sabiex ikollna trasport aħjar u aktar sostenibbli.
Transport Malta għal darb’oħra qed toffri aktar inċentivi finanzjarji lis-sewwieqa Maltin sabiex jagħmlu użu minn mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli u effiċjenti, u tħeġġeġ lis-sidien tal-vetturi biex jixtru vetturi ġodda, b’emissjonijiet baxxi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, jew jikkonvertu l-vettura attwali tagħhom għal vettura aktar nadifa.
Dawn l-inċentivi jinkludu:
- Xiri ta’ vetturi elettriċi plug-in ġodda u użati, u vetturi elettriċi użati;
- Xiri ta’ vetturi ġodda ta’ Kategorija L li jaħdmu bil-petrol inklużi muturi;
- Retrofitting ta’ sistemi dual fuel fuq vetturi heavy-duty b’magni diżil, u skema biex jiġu inċentivati aktar vetturi li jaħdmu bil-gass;
- Xiri ta’ vetturi aċċessibbli bis-siġġu tar-roti biex jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri għall-kiri jew profitt;
- Installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi f’vetturi għall-ġarr tal-passiġġieri;
- Retrofitting ta’ vetturi b’teknoloġija DPF u SCR;
- Repowering ta’ vetturi bi drive train elettriku.
L-għotjiet se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023; aċċessibbli fuq www.transport.gov.mt sal-31 ta’ Diċembru 2023.