Il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga jekk għandhiex tittieħed azzjoni kriminali kontra l-awtur Mark Camilleri wara li ppubblika mijiet ta’ messaġġi privati mibgħutin bil-WhatsApp.
L-avukati ta’ Cutajar argumentaw quddiem il-Qorti li l-pubblikazzjoni ta’ mijiet ta’ messaġġi, allegatament bejn il-klijenta tagħhom u Yorgen Fenech, tikser is-segretezza li imponiet il-Qorti kif ukoll il-jedd tagħha għall-ħajja privata.
F’deċiżjoni li tat ftit tal-ħin ilu, l-Imħallef Edwina Grima ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil Camilleri u jgħarraf lill-Qorti jekk dak li ppubblika kienx protett bil-projbizzjoni li kienet ordnat il-Qorti fl-2021. Talbet lill-Kummissarju biex jinforma lill-Qorti wkoll jekk għandhiex tittieħed xi azzjoni kriminali kontrih minħabba l-ksur ta’ tali projbizzjoni b’disprezz lejn il-Qorti.
Aktar kmieni llum, akkumpanjati minn Rosianne Cutajar, l-avukati tagħha Edward Gatt u Mark Vassallo marru fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fejn iddepożitaw ittra legali li titlob lill-Prosekutur Ewlieni jinforma lill-Qorti Kriminali dwar il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-messaġġi. Huma qalu li din il-pubblikazzjoni tal-messaġġi tikser l-Artikolu 517 tal-Kodiċi Kriminali.
Rosianne Cutajar ippreżentat ukoll rikors b’urġenza quddiem il-Qorti Kriminali tal-Appell.