Ġie mniedi uffiċjalment l-abbozz tal-pjan nazzjonali għall-ikel organiku li ser iwassal għall-ftuħ ta’ konsultazzjoni pubblika.
Dan il-pjan ġie varat mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’, ġie spjegat kif il-Gvern ħadem qatigħ sabiex jiżviluppa l-Pjan Nazzjonali għall-Ikel Organiku, pjan li se jkun qed iwettaq miżura oħra mill-Budget 2023 sabiex tiġi assigurata s-sigurta tal-ikel f’pajjiżna.
Dan il-pjan jiffoka fuq tlett pilastri li l-għan tagħhom hu li joffru ikel organiku lokali ta’ kwalita lil konsumatur kemm minn aspett ta’ agrikoltura, l-akwakultura u kif wkoll joffri dħul sostennibli għall-produtturi Maltin u Għawdxin. L-objettiv ewlieni huwa dak li pajjiżna jkollu 5% tal-art agrikola utilizzata għall-biedja organika sas-sena 2030.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Anton Refalo saħaq dwar kif permezz tal-pjan il-Gvern qed jattwa il-kunċett tas-sostennibilita, kemm fuq livell ambjentali kif ukoll fuq wieħed ekonomiku; “L-iskop primarju tagħna jibqa’ li l-produttur ikun mgħejjun biex jagħmel din il-bidla, u għal dan irridu ntuh l-għajnuna finanzjarja xierqa, l-aċċess għall-art u għas-swieq, u t-taħriġ u l-informazzjoni kollha li għandu bżonn. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ ukoll li nkomplu nsaħħu l-istrutturi tagħna, inkluż l-awtoritajiet kompetenti u dawk li joffru servizzi relatati ma’ dan is-settur, sabiex dawn ikunu armati bir-riżorsi meħtieġa.”
Min-naħa tagħha, Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet kif dan id-dokument li l-Gvern qiegħed jippreżenta huwa żvilupp tant kruċjali għal diversi setturi fejn qed jiġu mnedija tragwardi importanti għall-produzzjoni tal-ikel lokali, bil-għan li jiġi msaħħaħ mhux biss l-ekonomija ta’ pajjiżna imma wkoll s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.