Id-deputata Rosianne Cutajar talbet lill-Avukat Ġenerali u lill-Qorti biex jieħdu azzjoni kontra l-awtur Mark Camilleri wara li lbieraħ xandar eluf ta’ messaġġi privati.
L-avukati ta’ Cutajar argumentaw quddiem il-Qorti li l-pubblikazzjoni ta’ mijiet ta’ messaġġi, allegatament bejn il-klijenta tagħhom u Yorgen Fenech, tikser is-segretezza li imponiet il-Qorti kif ukoll il-jedd tagħha għall-ħajja privata.
Akkumpanjati mid-deputata Cutajar, l-avukati tagħha Edward Gatt u Mark Vassallo llum marru fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fejn iddepożitaw ittra legali li titlob lill-Prosekutur Ewlieni jinforma lill-Qorti Kriminali dwar il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-messaġġi. Huma qalu li l-pubblikazzjoni tal-messaġġi tikser l-Artikolu 517 tal-Kodiċi Kriminali.
Rosianne Cutajar ippreżentat ukoll rikors b’urġenza quddiem il-Qorti Kriminali tal-Appell.