Għada l-Erbgħa 22 ta’ Marzu, Malta se tingħaqad mal-bqija tad-dinja biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-ilma nadif fil-ħajja tagħna. Dan se tagħmlu billi tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ilma.
Il-kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma, ILMA – BE THE CHANGE se terġa’ tfakkar din il-ġurnata sinifikanti b’avvenimenti speċjali organizzati madwar Malta u Għawdex.
Matul din il-ġimgħa kollha, il-mobile unit tal-kampanja se jkun jinsab f’Għawdex, fiż-żona tal-parkeġġ pubbliku tar-Rabat fi Triq Giorgio Borg Olivier, ir-Rabat.
It-tim WATER – BE THE CHANGE se jkun qed jippromwovi pariri dwar il-konservazzjoni tal-ilma, li jistgħu jiġu applikati faċilment id-dar, fuq ix-xogħol u wkoll fis-settur agrikolu.
Il-Jum Dinji tal-Ilma, li jsir fit-22 ta’ Marzu ta’ kull sena mill-1993, jiċċelebra l-ilma u jqajjem kuxjenza dwar iż-2 biljun ruħ li jgħixu mingħajr aċċess għal ilma sikur.