Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella ħallew Malta għal żjara uffiċjali fil-Latvja fuq stedina tal-President tal-Latvja Egils Levits.
L-impenji uffiċjali jibdew l-Erbgħa filgħodu b’laqgħa mal-President Levits fil-Kastell ta’ Riga. Il-President Vella se jkollu wkoll laqgħat separati mal-Prim Ministru, Krišjānis Kariņš, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Edgars Rinkēvičs, u mad-Deputat Speaker ta’ Saeima (tal-Parlament), Zanda Kalniņa-Lukaševica.
Din iż-żjara uffiċjali ta’ jumejn fil-Latvja ssegwi ż-żjara li l-President Levits għamel f’Malta għal-laqgħa informali tal-kapijiet ta’ stat mhux eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-Grupp Arraiolos, li saret f’Ottubru li għadda.
Id-delegazzjoni tal-President ta’ Malta fil-Latvja tinkludi lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Sakemm il-President George Vella jkun il-Latvja, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta. Il-President u s-Sinjura Vella jiġu lura Malta nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Marzu 2023.