Kien kliem imqanqal dak li kitbet Solange Magri, omm taċ-ċkejken Juan, li ħalla din id-dinja f’Ottubru tal-2021.
Juan kellu biss xahrejn meta ħalla din id-dinja. Permezz ta’ Puttinu, fl-aħħar mumenti ta’ ħajjet Juan, sabu aktar għajnuna u kompassjoni. Solange issa qed tappella biex nhar il-Ġimgħa l-Kbira, kulħadd jiftakar f’Puttinu, li se jkunu qed ixandru maratona live fuq l-istazzjonijiet tat-TV kollha.
“Iltqajna mal-familja ta Puttinu fl-aħħar ġimgħatejn ta’ ħajjet Juan. Daħħalna ġewwa Rainbow Ward il-mibki Dr Calvagna, fejn wegħdna li se nkunu komdi u aħjar, u nikkonferma li l-motto ta’ Puttinu ‘Home away from home’ huwa kollu vera.
Puttinu hija familja waħda ta nurses, tobba, pazjenti, familjari, u Angele u Rennie li kuljum kienu jiġu ħdejja fil-kamra iżommuli kumpanija u nitkellmu daqs li kieku ilna nafu lil xulxin ħafna żmien. Nista ngħid li Juan laqqana ma’ din il-familja ġdida li qatt ma konna noħolmu li nsiru parti minnha.
Kull ħaġa li kelli bżonn nista’ ngħid li ġabuwieli u nirringrazzja lil Puttinu tas-sapport kontinwu li tawna mill-ewwel ġurnata li dħalna għandhom, sal-ġurnata tal llum.
Mhux kull pazjent li jmur għand Puttinu se jkollu storja ta’ suċċess, pero’ Puttinu qegħdin hemm biex jagħmlulek il-ħajja faċli f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Puttinu qegħdin hemm għal kulħadd mela inħeġġeġ lil kulħadd biex fil-Ġimgħa l-Kbira ngħinu lil Puttinu!”