Ġie inawgurat il-proġett tal-Imrieħel Underpass, filwaqt li ġie mħabbar aktar investiment ambizzjuż fiż-żona.
Dan il-proġett ilu jintuża minn Dicembru u qiegħed jiffaċilita ħajjet dawk li jiffrekwentaw din iż-żona, li tgħaqqad is-Central Link ma’ Santa Venera.
Dan l-investiment se jiffaċilita t-traġitt taċ-ċiklisti, dawk li jkunu bil-mixi, kif ukoll jipprovdi konnettività aħjar għal dawk li jivjaġġaw bil-vettura tagħhom.
Il-proġett, li tlesta fiż-żmien stipulat, huwa mgħammar għal kontra l-għarar u joffri aktar sigurtà.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastracture Malta, Ivan Falzon, elenka l-viżjoni tal-Gvern sabiex jimmaterjalizza proġetti ta’ din ix-xorta, minkejja l-isfidi li pajjiżna affaċċja fl-aħħar snin. Huwa spjega wkoll l-investiment li se jkun qed isir.
Qal, “Dan kien wieħed mill-proġetti maġġuri li kellna fuq idejna. Wasal għat-tkomplija dak li nfetaħ għall-pubbliku f’Diċembru li għadda u l-messaġġ kien pożittiv ħafna; ġie milqugħ ħafna min-nies. Ovvjament, qegħdin hawn illum, inawgurajnih, imma se nħabbru iżjed investiment fiż-żona. Fejn, fil-ġimgħat li ġejjin, se nibdew l-upgrade tas-south-bound lanes, jiġifieri warajja għandek żewġ kilometri li se jiġu updated b’wiċċ ġdid, sistema tal-ilma tax-xita ġdida, u sistemi ta’ sigurtà fit-toroq. Dan ifisser li dan il-proġett se jkun tkomplija tal-ħafna proġetti li saru fiż-żona.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, qal li din hija infrastruttura għas-seklu 21. Semma wkoll proġetti li se jkunu qed jitlestew u oħrajn li se jinbdew.
Qal, “Qegħdin naraw proġett li tlesta fil-ħin skont dak li ġie mfassal, proġett li ħa ħafna xogħol imma wkoll il-kuraġġ, illi proġett li kien fuq il-karta, fuq il-pjanta, għal ħafna snin, il-Gvern sab il-kuraġġ li jagħmlu. Ovvjament, l-inkonvenjent ikun hemmhekk. Il-fatt li issa n-nies qed jesperjenzawh il-proġett, u qegħdin naraw li n-nies, b’mod pożittiv, laqgħuh, anke għax hawnhekk hawn aktar sigurtà, it-traffiku huwa flowing ħafna u hawn mezzi wkoll kif inti timxi jew tuża r-rota. Qed naraw li issa ngħaddu għal xogħlijiet fejn l-ajruport, li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin, dak tad-Dinitrol ta’ Ħal Luqa, biex imbagħad ħarsitna tmur fejn l-Imsida, fejn hemmhekk ghandna proġett tal-Imsida Creek li qed jistennina bi proġett ferm akbar.”