F’dan il-perjodu tar-Randan, assoċjat mar-riflessjonijiet u t-tbatijiet, huma ħafna t-tħejjijiet li jkunu għaddejjin minn diversi għaqdiet tal-Knisja u voluntiera biex itellgħu rappreżentazzjonijiet li jfakkru fil-passjoni ta’ Ġesù.
ONE News żar il-maħżen tal-Għaqda Kummissjoni Festa Esterna tal-Fgura, fejn qed isiru l-provi ta’ rappreżentazzjoni ħajja li se tittella’ f’Ħamis ix-Xirka u fil-Ġimgħa l-Kbira.
Id-Direttur ta’ din ir-rappreżentazzjoni, Jeffrey Scicluna, spjegalna l-ħsieb wara l-isem tar-reċta, Ecce Homo.
Qal, “Ħsibt li fuq id-diskors li ġieli jgħidu n-nies “miskin sar ecce homo”, ovvjament ħadt minn fuq dik l-idea, imma f’dal-każ mhux ecce homo fiżikament, imma ħa nitkellem fuq l-ecce homo li jsofri l-bniedem fil-ħajja tiegħu.”
Fil-fatt, din ir-rappreżentazzjoni moderna għanda l-għan li tirrifletti l-passjoni ta’ Kristu fit-tbatijiet li jeżistu fil-ħajja tal-lum.
Stqarr, “It-tbatija ta’ Kristu, kulħadd jaf kemm bata, imma llum il-ġurnata neħduha forgranted ħafna meta jbati xi ħadd fil-ħajja. Ħa nġib eżempju li ma ġibtux fil-play, per eżempju, ix-xiħ li huwa ġo San Vinċenz jew ġo xi sptar tax-xjuħ, mitluq waħdu mingħajr ħadd ma jmur jarah, bħalissa dak iħossu wisq qisu ecce homo għax ħallewh waħdu.”
Din ir-rappreżentazzjoni se tittella’ bis-sehem ta’ madwar għaxar żgħażagħ u adulti, fosthom adoloxxenti li jattendu l-Fgura Youth Centre.
Tkellimna ma’ Chaleeze Saliba, żagħżugħa minn dan iċ-ċentru, li spjegatilna dwar il-karattru li se tirrappreżenta.
Qalet, “Jien il-karattru tiegħi qed jirrappreżenta tifla li tkun bullied, cyber bullying jidħol ukoll f’xi biċċa, imma l-iktar bullied in person, u l-aktar ecce homo għal-lum.”
Staqsejna lil Gabriel Portelli, żagħżugħ li se jinterpreta l-karattru ta’ qassis, għaliex għażel li jieħu sehem f’rappreżentazzjoni bħal din.
Stqarr, “Jien iddeċidejt biex nieħu sehem fir-reċta għax l-ewwel ħaġa tkun esperjenza għalija, tkun xi ħaġa ġdida u nsir naf aktar lili nnifsi, u wkoll, inkun qiegħed nirrappreżenta l-Fgura Youth Centre biex nuru kemm aħna kapaċi.”
Din ir-rappreżentazzjoni ħajja se ssir fil-maħżen tal-armar fil-Fgura f’Ħamis ix-Xirka bejn it-tmienja u l-ħdax u nofs ta’ filgħaxija; u fil-Ġimgħa l-Kbira bejn id-disgħa ta’ filgħodu u nofsinhar.
Id-dħul huwa b’xejn.