Kif kien mistenni, l-Ġimgħa, it-toroq ta’ San Ġiljan kienu mimlija sa ruħ ommhom miżgħudin bin-nies, jiżfnu għall-mużika, bil-birra, ix-xorb irqiq u l-kpiepel ħodor jiddominaw il-postijiet kollha tad-divertiment.
Fil-fatt, il-Ġimgħa, aktar minn ħamsin elf żagħżugħ Malti, turisti u anki mhux tant żgħażagħ, ħonqu t-toroq, wara li din il-festa li kisbet popolarità qawwija f’pajjiżna ġiet iċċelebrata għall-ewwel darba b’mod normali wara l-pandemija, mingħajr ebda restrizzjonijiet.
One News tkellem ma’ Philip Fenech Deputat President tal-Kamra tan-Negozju Żgħar u Medji u Chairman tal-Paceville Town Centre Management li esprima magħna s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-attendenza numeruża l-Ġimgħa filgħaxija.
Iċ-chairman tal-Paceville Town Centre Management qal li, “Ilbieraħ Saint Patrick’s day kienet waħda li kienet mistennija ħafna wara tliet snin, ma ninsewx, u nista’ ngħid li kemm ilha ssir, kienet waħda mill-ikbar li qatt esperjenzajna. Biż-żejjed ngħid li l-area ta’ San Ġiljan kollu kien mimli.”
Ma setax jonqos li ċ-ċelebrazzjonijiet ad unur dan il-qaddis, li bdew jiġu ċċelebrati l-ewwel fl-Irlanda, bħal kull sena, din is-sena wkoll, ġabu magħhom ammont kbir ta’ skart fit-toroq ta’ San Ġiljan, b’ammonti kbar ta’ tazzi u flixken, fost oħrajn.
Madankollu, wara ġurnata u lejl ta’ divertiment fl-okkażjoni ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, il-pjazza ewlenija ta’ Spinola u bosta toroq f’San Ġiljan u Paceville, is-Sibt filgħodu sebħu qisu qatt ma kien xejn. Grazzi għall-ħidma sfieqa tal-ħaddiema fi ħdan id-Divizjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni fi ftit sigħat, it-toroq sebħu nodfa xummiema mill-ġdid.
Sa mis-sigħat bikrin tas-Sibt, dawn il-ħaddiema ntefgħu b’ruħhom u ġisimhom, bi ħġarhom, jaħdmu qatigħ biex ġabu kull m’hemm nadif tazza.
Biex b’hekk sas sigħat bikrin ta’ filgħodu ż-żoni li fihom ftit siegħat qabel kienu mimlija nies jiċċellebraw sebħu nodfa pupilla, biex b’hekk kollox ikompli b’mod normali f’San Ġiljan.