Sewwieq ta’ mutur u mara li kienet riekba miegħu ttieħdu l-isptar wara inċident fi Triq l-Imġarr fix-Xewkija.
Il-każ seħħ illum għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, meta seħħ inċident bejn mutur misjuq minn Taljan ta’ sebgħa u ħamsin sena li jgħix ir-Rabat Għawdex, u karozza li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ sitta u erbgħin sena minn Kerċem.
Passiġġiera fuq il-mutur kien hemm Taljana ta’ sebgħa u ħamsin sena li tgħix ir-Rabat Għawdex.
Iż-żewġ Taljani ngħataw l-assistenza minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza. Il-mara weġġgħet ħafif u r-raġel qed isofri minn ġrieħi serji.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.