Il-Malta Strategic Partnership Projects ħabbret sejħa għall-proposti għar-rijabilitazzjoni tas-sit tal-Pixkerija l-Antika fil-Belt Valletta bħala parti mill-impenn tal-Gvern biex jirriġenera l-belt kapitali.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-entità governattiva hekk kif ġie spjegat li din is-sejħa għall-proposti hija t-tieni fost l-istrateġija tal-entità għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, u ssegwi l-aħbar tal-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-Evans Building li ġiet ippubblikata ftit tax-xhur ilu.
Bħall-proġett tal-Evans Building, il-proġett tar-Rijabilitazzjoni tal-Pixkerija l-Antika għandu l-għan li jservi ta’ mudell għal kif binjiet antiki jistgħu jiġu adattati għal użu ġdid permezz tar-riġenerazzjoni.
Is-sit tal-Pixkerija l-Antika jinsab f’Barriera Wharf fil-Belt Valletta u għandu valur estetiku kbir hekk kif jirkeb fuq il-fortifikazzjoni tal-Belt, u għalhekk igawdi minn veduti spettakolari uniċi tal-Port il-Kbir, il-Forti Sant’ Anġlu u t-Tlett Ibliet.
Dan il-proġett għandu l-għan li jgħaqqad flimkien diversi servizzi tal-ogħla kwalità, fosthom il-faċilitajiet tal-irmiġġ quddiem il-binjiet li ser jiġu riġenerati, l-akkomodazzjoni turistika esklussiva u faċilitajiet anċillari oħra.
Fl-istqarrija ġie spjegat kif, il-konċessjonarju se jkun meħtieġ jappunta diversi esperti tekniċi li se jkunu responsabbli għax-xogħol importanti ta’ restawr kif ukoll mudellar u ppjanar li jwasslu biex il-binjiet jingħataw użu ġdid. Konsiderazzjonijiet ambjentali, kemm waqt l-ippjanar kif ukoll waqt l-operat, huma parti importanti mirrekwiżiti, u kisi stampat se jkun meħtieġ biex jimminimizza l-impatt viżiv tax-xogħlijiet.
Il-perjodu ta’ konċessjoni se jkun ta’ 65 sena, b’investiment inizjali minimu ta’ €18-il miljun, u investimenti oħra mill-ġdid matul il-perjodu ta’ konċessjoni. Id-dħul dirett għall-Gvern se jitla’ għal madwar €615,000 fis-sena, li jinkludi ċ-ċens annwali.
Permezz tal-operat, il-proġett stmat li se jiġġenera medja annwali ta’ 137 impjieg b’mod dirett, li jitilgħu għal 320 impjieg.
Dan il-proġett huwa konsistenti mal-viżjoni u l-politiki tal-Gvern, b’mod partikolari l-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu għall-perjodu 2021-2030.
Is-sejħa għall-proposti għall-Proġett ta’ Riabilitazzjoni tal-Pixkerija l-Antika se tiftaħ fit-18 ta’ Marzu 2023 u tagħlaq fit-30 ta’ Awwissu 2023. Dokumenti relatati jinsabu fuq www.etenders.gov.mt.