Fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Marija, fiż-Żebbuġ Għawdex saret quddies preasente cadavere sabiex tfakkar il-memorja tal-eks Ministru Laburista, il-Professur Edwin Grech.
It-Tabib Grech miet l-Erbgħa fl-għomor ta’ 94 sena u huwa missier Karin Grech, li nqatlet innoċentament permezz ta’ ittra bomba indirizzata lilu.
Edwin Grech irrappreżenta lill-poplu fil-Parlament f’isem il-Partit Laburista f’żewġ leġiżlaturi: fis-seba’ waħda jiġifieri ta’ bejn 1992 u 1996 u t-tmien waħda ta’ bejn l-1996 u 1998.
Huwa serva bħala Ministru għas-Sigurtà Soċjali.
Kienet ix-xewqa tal-Professur Grech li ssir quddiesa ta’ memorja fir-raħal Għawdxi taż-Żebbuġ, fejn għex għal parti kbira ta’ ħajtu.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċipriet Ġwann Sultana fakkar li l-Professur Grech fehem li ħajja faċli ma tagħtix sodisfazzjon, tant li għall-aħħar 45 sena huwa beka it-telfa ta’ bintu Karin, imma fakkar il-memorja tagħha billi ċċelebra ħajjitha.
Huwa qal li l-Professur Grech ta tagħlima lill-umanità permezz tal-mod kif għex ħajtu, għaliex iddedika ħajtu għas-servizz tal-oħrajn u ta l-ħajja lil eluf ta’ pazjenti permezz tal-professjoni tiegħu ta’ tabib.
Intant, il-funeral tal-Professur Edwin Grech se jsir nhar it-Tnejn fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann.
Il-korteo funebri se jitlaq mill-Isptar Mater Dei fid-9am, jgħaddi minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun fid-9.15am, u jibqa’ sejjer lejn il-Knisja Parrokkjali f’San Ġwann, fejn issir quddiesa praesente cadavere fl-10am.
Il-Professur Grech kien esprima x-xewqa li l-aħħar tislima tingħatalu fl-istess lokalità fejn kienet inqatlet bintu Karen b’ittra bomba fl-1977.