B’investiment ta’ €2.5 miljun, ġie inawgurat Padiljun tal-Handball, bħala parti mill-Kumpless Sportiv Maria Assunta fil-Ħamrun.
L-inawgurazzjoni saret f’konferenza tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ hekk kif ġie spjegat kif b’hekk, dan il-Padiljun, sar l-ewwel kumpless f’Malta, li hu speċifikament għal-logħba handball.
Din il-faċilità, hija parti minn investiment akbar li sar f’dan il-Kumpless, fosthom fl-ewwel Akkademja tas-Snooker f’Malta b’investiment ta’ €700,000.
Minbarra l-ground tal-football li diġà sar fil-kumpless, huwa ppjanat ukoll li jkun hemm ukoll faċiltajiet oħrajn għal diversi dixxiplini sportivi.
Is-sala li takkomoda 155 spettatur, se tkun użata primarjment għat-taħrig tal-Handball, minn adulti sa tfal, kif ukoll mill-programmi ta’ SportMalta u mill-iskejjel.
Is-sala li saret fuq speċifikazzjonijiet tal-International Handball Federation, hija mgħammra b’teknoloġija konformi mal-istandards tal-federazzjoni.
L-atleti tal-Handball esprimew kif dan il-proġett huwa ħolma li saret realta’, hekk kif se tkompli tgħinhom jimxu ‘l quddiem fil-karriera sportiva tagħhom.
Emma Bedingfiels spjegat li, “Meta nilgħabu l-Imsida, l-Università, il-court hija differenti minn dak li ssib fit-tournaments ta’ barra, u l-atleti qishom jinħassu għax ma tkunx familjari mal-post. Proġett sabiħ, u ħerqana li nibdew nużawh minn għada.”
Tkellimna wkoll mal-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, li spjegalna kif din il-faċilita’ tal-għola kwalita’ se tintuża minn adulti, tfal u żgħażagħ.
Is-Sur Cutajar qal li, “Bla dubju ta’ xejn dan hu investiment importanti, li nkomplu l-kumpless sportiv ta’ Maria Assunta, kumpless ġdid ta’ SportMalta, li diġà għandu ground tal-football u padiljun tal-isnooker, u hekk ħa nilħqu diversi tfal u żgħażagħ tal-iskejjel, fejn ħa jilgħabu l-handball imma mhux biss, faċilità top notch, kif ukoll il-Handball Association”.
Il-Ministru Clifton Grima, li inawgura din il-faċilità, qal li l-viżjoni tal-Gvern hija li jsiru faċilitajiet sportivi aċċessibbli u qrib ta’ kulħadd.
Il-Ministru Grima qal, “Investiment ta’ €2.5 miljun li permezz tiegħu ħa jkollna dixxiplina sportiva, li ħa jkollna faċilità tal-għola livell, faċilità ta’ livell internazzjonali, u allura tagħti aktar għodda lill-atleti tagħna, l-amministraturi tagħna, sabiex ikunu jistgħu jipprattikaw dan l-isport f’pajjiżna, imma għalfejn le? Meta jirrappreżentawna barra minn xtutna jkollhom propju, it-taħriġ li jkun sar fuq faċilita’ tal-għola livell.”
Din il-faċilità hija msemmija għall-mibki Louis Borg, li beda l-logħba tal-Handball f’pajjiżna.