Għall-festa ta’ San Patrizju, it-temp tbissem lil bosta, partikolarment żgħażagħ, li jinsabu San Ġiljan biex, għall-ewwel darba wara l-pandemija, jiċċelebraw din il-festa bil-kbir.
Din il-festa hi popolari ferm madwar id-dinja. Ngħata bidu għaliha fl-Irlanda, fejn filwaqt li jiġi mfakkar il-qaddis patrun ewlieni tal-pajjiż, xarba birra ma tonqosx.
Minn kmieni waranofsinhar, bosta Maltin, Għawdxin, u anke barranin, bdew jinġabru f’San Ġiljan bi lbies aħdar biex jiċċelebraw din il-festa b’xarba birra flimkien ma’ sħabhom.
Crew ta’ ONE News żar San Ġiljan waranofsinhar, hekk kif kienu bdew jinġemgħu n-nies. Staqsejnihom kif jiċċelebraw din il-festa.
Ma naqasx ukoll li nistaqsuhom jekk, wara kollox, jafux min kien San Patrizju.
Skont kif tgħid it-tradizzjoni, San Patrizju mar lura l-Irlanda wara li kien inżamm bħala skjav. Hemmhekk beda jikkonverti lill-Irlandiżi għall-Kristjaneżmu.
Jingħad, li dan il-qaddis miet proprju fis-17 ta’ Marzu, u għalhekk id-dinja kollha tingħaqad katina waħda sabiex tfakkru bix-xorb tal-birra u l-kulur aħdar.
It-tradizzjoni tassoċja l-kulur aħdar ma’ dan il-qaddis għax jingħad li San Patrizju kien juża x-shamrock, il-pjanta nazzjonali Irlandiża li jkollha tliet werqiet fuq kull zokk, biex jgħallem lin-nies dwar it-Trinità.
Ara ċ-ċelebrazzjonijiet: