Ġie iffirmat ftehim ieħor bejn il-Gvern, il-Forzi Armati ta’ Malta, u l-General Workers Union – ftehim li jfisser investiment ta’ ’l fuq minn €2 miljun fuq sentejn għas-suldati kollha mill-grad ta’ Maġġur sa Gunner, bħala kumpens finanzjarju għax-xogħol li jwettqu fl-extra duties.
Dan l-aġġustament joħroġ minn klawsola ta’ reviżjoni fil-ħlas tal-extra duty wara l-ewwel ftehim settorjali tax-xorta tiegħu għas-suldati tal-Forzi Armati.
F’dan il-kuntest, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, qal li l-Gvern qed jibqa’ jonora kull klawżola ta’ kull ftehim kollettiv iffirmat fl-aħħar snin. Saħaq li qed jiġu investiti ’l fuq minn 15-il miljun ewro fis-sena għal ħames snin, għall-ħamest elef ħaddiem li jservu fil-pulizija, fis-sistemi korrettivi, fil-protezzjoni ċivili, u fil-forzi armati.
“Dan huwa pass ieħor importanti favur aktar kundizzjonijiet għall-ħaddiema kollha tal-korpi dixxiplinati ta’pajjiżna.”
Il-Ministru spjega wkoll li l-ewwel ftehim kien sar għall-Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, u mbagħad infirex għal kull korp dixxiplinat ieħor. Għaldaqstant, hekk kif dis-sena jgħaddu l-ħames snin stipulati fil-ftehim għall-Pulizija, huwa ħerqan biex jiġi konkluż ukoll ftehim ġdid għal salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-istess pulizija.
Il-Ministru Camilleri afferma s-sodisfazzjoni tiegħu għall-fatt li, fl-aħħar snin, ġew issiġillati tmien ftehimiet kollettivi fi ħdan il-ministeru, bi tlieta oħra fi stadju avvanzat li jiġu konklużi għall-benefiċċju tal-ħaddiema kollha. “Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern hu kommess li ma jieqafx jinvesti fil-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati biex Malta tibqa’ pajjiż sigur, b’servizz aħjar għan-nies,” temm jgħid il-Ministru Camilleri
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-General Workers Union tat-Taqsima tal-Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi, Theo Vella, qal li l-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati, bħalma huma s-suldati, jistħoqqilhom kumpens finanzjarju sostenibbli għax-xogħol li jwettqu.
“Se jkollhom żieda ta’ medja ta’ 17% fl-extra duty allowance, ovvjament, dan ma jfissirx li mhux se ntejbu aktar kundizzjonijiet fis-snin li ġejjin.”