Ġie inawgurat proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Munxar, Għawdex, b’investiment ta’ madwar €1 miljun.
Ir-riġenerazzjoni ta’ din il-pjazza hija ħolqa oħra importanti minn katina ta’ proġetti sabiex postijiet pubbliċi jsiru aktar aċċessibbli u jibdew joffru ambjent mill-isbaħ lill-Għawdxin u anke lill-viżitaturi.
F’din il-pjazza żdiedu ż-żoni pedonali b’pavimentar ġdid li ta dehra ġdida lill-istess pjazza.
Dan il-proġett sar ukoll fl-isfond ta’ diversi miri sostenibbli.
Dan għaliex fl-istess proġett inbena ġibjun għall-ilqugħ tal-ilma, li se jkun qed jintuża sabiex, b’sistema ġdida ta’ irrigazzjoni, jissaqqew numru ta’ siġar indiġeni li tħawlu fl-istess pjazza.
Dan flimkien ma’ sistema ġdida ta’ dawl effiċjenti, li qiegħed idawwal il-pjazza u fl-istess waqt inaqqas l-użu tal-elettriku.
Is-Sindku tal-Munxar, Damien Spiteri, qal li dan il-proġett hu riżultat ta’ ħafna xogħol, sfidi, u determinazzjoni.
Huwa żied jgħid li, grazzi għall-għajnuna finanzjarja u l-appoġġ tal-Ministeru, setgħu jimplimentaw dan il-proġett.
“Qed ninawguraw, bi pjaċir, b’sodisfazzjon, wara ħafna xogħol u sfidi, qed ninawguraw l-ikbar proġett infrastrutturali li qatt kellna fil-Munxar; proġett b’investiment ta’ miljun ewro.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, tkellem dwar kif dan il-proġett qed jagħti dehra ġdida liċ-ċentru tar-raħal u qed jagħmel il-pjazza aktar aċċessibbli u b’hekk tista’ titgawda aktar mir-residenti tal-Munxar u mill-pubbliku.
Huwa stqarr li l-Gvern jibqa’ impenjat li l-gżira Għawdxija tkompli toffri ambjent mill-isbaħ lill-Għawdxin, lill-Maltin, u lill-barranin li jżuruha. Dan il-proġett huwa pass ieħor sabiex jintlaħaq dan l-għan.
“Dawn huma proġetti li żgur qed ingawdu minnhom, kemm ir-residenti ta’ dan l-istess raħal tal-Munxar kif ukoll dawk kollha li qegħdin iżuruna. Proprju nemmen li ċentri tal-irħula żgħar joffru esperjenzi lil dawk kollha li jagħżlu li jqattgħu ftit tal-ġranet fil-ġżira tagħna.”