It-Tazza tad-Dinja li jmiss, fis-sajf tal-2026, li se ssir fl-Istati Uniti, fil-Kanada, u fil-Messiku, se jkollha b’kollox 104 partiti.
Dan hekk kif fl-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja, in-numru ta’ parteċipanti se jiżdied minn 32 pajjiż għal 48 pajjiż.
Din iż-żieda fil-pajjiżi li se jieħdu sehem fil-kompetizzjoni se twassal biex b’kollox ikun hemm tnax-il grupp.
L-ewwel żewġ pajjiżi minn kull grupp u t-tmien l-aħjar pajjiżi li se jikklassfikaw fit-tielet post se jgħaddu għall-fażi tan-knockout.
Apparti minn hekk, fl-edizzjoni li jmiss se jkun ukoll ir-rawnd tal-aħħar 32.
Minħabba ż-żieda ta’ rawnd ieħor fil-fażi ta’ wara l-gruppi f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża, il-pajjiż rebbieħ se jilgħab tmien logħbiet. Din tfisser żieda ta’ logħba għall-pajjiż rebbieħ meta mqabbel mal-edizzjonijiet ta’ qabel. Fil-fatt, l-aħħar pajjiż rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja, l-Arġentina, lagħab seba’ partiti f’din il-kompetizzjoni.
Dawn it-tibdiliet fl-edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja ġew maqbula waqt il-laqgħa tal-kunsill tal-FIFA li saret fl-Irwanda.
Hawnhekk ġie maqbul li l-Finali tal-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja se tintlagħab il-Ħadd 19 ta’ Lulju tal-2026. Dan l-iżvilupp se jwassal biex edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja se tibda ddum madwar 40 jum, minflok xahar.
L-aħħar darba li kien hemm żieda fl-għadd tal-pajjiżi li jipparteċipaw fit-Tazza tad-Dinja kien fl-edizzjoni tal-1998. Dakinhar il-pajjiżi żdiedu għal 32.
Ritratt: FIFA