Il-Kap tal-Oppożizzjoni jaf li fl-ewwel okkażjoni, fejn hu personalment seta’ tella għad-diskussjoni mozzjoni b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia li jagħmel referenza għaliha fi stqarrija llum, m’għamilx dan u għażel diskussjoni dwar tema li l-Parlament diġà ddiskuta, jiġifieri dik dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Dan intqal mill-Partit Laburista fi stqarrija, li fiha ġie nnutat li daqstant hu partiġġjan il-Partit Nazzjonalista fi kwistjonijiet sensittivi.
Intqal li daqshekk lest juża kull ċirkostanza għall-iskop politiku partiġġjan tiegħu, u anke hawn jgħid mod u jagħmel mod ieħor.
Il-Partit Laburista qal li, dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia hemm inkjesta maġisterjali minn Maġistrat li għandha l-fiduċja ta’ kulħadd u wieħed għandu jtenni l-appell biex din l-inkjesta u l-investigazzjonijiet isiru f’serenità u jitlestew b’ħeffa ħalli ssir ġustizzja mal-familja tal-vittma u s-soċjeta.
Il-Partit Laburista temm jgħid f’din l-istqarrija, li “min hu responsabbli ta’ dan il-każ għandu jitressaq il-Qorti ħalli ssir ġustizzja.”