Il-President ta’ Malta George Vella, flimkien mal-amministrazzjoni u wħud mir-residenti tal-Fondazzjoni RISe, fakkar l-għaxar anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-Fondazzjoni li tħejji lill-priġunieri fl-aħħar fażi tas-sentenza tagħhom bil-għan li jerġgħu lura fis-soċjetà b’bażi soda.
F’din l-okkażjoni, il-President Vella u r-residenti ħawlu għaxar siġriet taċ-ċitru f’The President’s Kitchen Garden, u ma’ kull siġra twaħħal ċoff isfar—simbolu tal-aċċettazzjoni tar-residenti tal-Fondazzjoni RISe fis-soċjetà.
“Il-fatt li persuna tagħmel żmien fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba xi ħaġa li tkun għamlet ma jfissirx li dik hija l-aħħar tat-triq. Anzi, hemm it-tama u għalhekk il-kelma RISe, li dak li jkun irid iqum, jieqaf fuq saqajh, jara fejn żbalja, ikun ħallas ta’ dak li għamel, però mbagħad is-soċjetà trid tkun b’idejha miftuħa lesta biex tilqgħu ħalli dan jerġa’ jidħol fil-ħajja normali. Altrimenti l-isem ta’ Faċilità Korrettiva ma jkun ifisser xejn,” stqarr il-President Vella. Faċilità, qal il-President, qiegħda hemm biex tikkoreġi lill-individwu biex jerġa’ lura fis-soċjetà aħjar minn kif kien qabel daħal hemmhekk.
Il-fundatur tal-programm u direttur tal-Fondazzjoni RISe, Charles Mifsud, qal li fl-aħħar għaxar snin, mad-disgħin resident tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-familji tagħhom segwew il-programm u ngħataw sapport fl-aħħar sena tas-sentenza tagħhom qabel reġgħu lura fis-soċjetà. “L-iskop tal-Fondazzjoni huwa dak li naraw li dawk li jidħlu l-ħabs joħorġu armati biżżejjed biex jidħlu fis-soċjetà biex kemm jista’ jkun ma jerġgħux jirrepetu reat ieħor,” spjega is-Sur Mifsud, waqt li qal li l-pjan għall-ġejjini huwa li jiżdiedu d-djar tal-Fondazzjoni RISe u li dan is-servizz jiġi offrut lil priġunieri nisa wkoll.