Hekk kif kompla l-Kampjonat Ewropew tas-Snooker f’pajjiżna, it-Tlieta kienet ġurnata oħra mimlija logħob tal-gruppi. Spikka Brian Cini li rebaħ mingħajr diffikulta’ t-tielet logħba tiegħu mingħajr ma tilef l-ebda frame u dan ipoġġih b’ċans kbir li jirbaħ il-grupp tiegħu jekk illum jirbaħ l-aħħar konfront tiegħu kontra Marko Grbovic tas-Serbja.
F’dan it-tieni jum ta’ kompetizzjoni waqt dan il-kampjonat riservat għall-irġiel Frans Mintoff kellu gurnata tajba ħafna meta rebaħ iż-żewġ logħbiet tiegħu u bħal numru ta’ players oħra ser ikollu konfront dirett għal minn jikkwalifika għal fażi tan-knock out. Illum l-erbgħa, huwa jilgħab l-aħħar logħba tal-grupp kontra Nikita Kolpačenko tal-Litwanja.
L-uniċi żewġ players Maltin li temmew l-impenji tagħhom f’din il-fażi kienu Alex Borg u Aaron Busuttil li kienu diġa’ kkwalifikaw il-bieraħ. Borg rebaħ il-konfront tiegħu il-bieraħ biex kiseb ir-raba’ rebħa u anke’ rebaħ il-grupp tiegħu filwaqt li Busuttil tilef u issa jkollu jistenna l-konfront li jmiss tal-player li rebaħlu, Ungeriż Zsolt Fenyvesi, għal min ser jirbaħ il-grupp li jinsabu fih.
Philip Ciantar rebaħ il-logħba tiegħu biex kiseb it-tieni waqt dan il-kampjonat u llum jaqta’ passaġġ għan-knock out jekk jegħleb lil Eldar Karamehmedović tal-Bosnja Herzegovina. Player ieħor li jgħaddi jekk jirbaħ huwa Arthur Cachia li l-bieraħ tilef biss fil-ħames u l-aħħar frame. Fiż-żewġ partiti preċedenti huwa rebaħ u llum jiltaqa’ kontra Mesrop Kamalyan tal-Armenja.
Interessanti kif svolġa l-grupp li jinsab fih Tony Mifsud li għalkemm il-bieraħ reġa’ tilef, issa li Dudi Eliau tal-Iżrael irtira mill-logħob għax jinsab ma jiflaħx il-Malti jgħaddi għal fażi li jmiss jekk illum jirbaħ lit-Taljan Gianmarco Tonini.
Għal Chris Peplow il-ġurnata tat-Tlieta kienet waħda ta’ mistrieħ pero’ llum ser ikun player ieħor minn dawk li għandu logħba deċiżiva. Huwa jilgħab kontra Nadav Biton tal-Iżrael u min jirbaħ minnhom isib posthu mal-aħħar 72.
Joseph Casha kiseb l-ewwel rebaħ tiegħu f’dan il-kampjonat f’logħba li spiċċat verament tard. Huwa bħal numru kompetituri għalkemm mhux matematikament elimnat pero’ ċ-ċans tiegħu, barra li jrid bilfors jirbaħ, jiddependi mir-riżultat tal-logħba l-oħra li jonqos fl-istess grupp.
L-istess każ għal Duncan Bezzina li llum tilef kontra l-aħjar player tal-grupp tiegħu, l-Iskoċċiż Ross Muir li hawn min iqisu bħal sfidant ewlieni dan it-titlu. Muir li għaxar snin ilu kien ikkwalifika bħala professjonali mill-Q School kien semi finalist ta’ dan il-kamjonat sentejn ilu f’Albufeira, il-Portugall.
Players oħra Maltin li tilfu il-bieraħ kienu Frans Abdilla, Isaac Borg, Mechior Galea u Manwel Mallia. Dawn l-aħħar tnejn bi tliet telfiet huma definitivament eliminati. Isaac Borg illum jgħalaq l-impenji tiegħu fil-logħob tal-gruppi kontra r-rebbieħ tat-titlu ta’ Taħt it-18-il-sena l- Ungeriż Bulcsú Révész.