L-Istitut tal-Istudji Turistiċi, l-ITS, ħabbar li nhar il-Ġimgħa l-24 ta’ Marzu bejn is-6:00 u l-10:00 ta’ filgħaxija, se jkun qed jorganizza avveniment bl-isem ta’ ‘Open Doors’, li matulu se jkun qed jilqa’ studenti prospettivi u l-familji tagħhom bil-għan li jagħtihom l-opportunità unika biex jitkellmu mal-career guidance u jsiru jafu aktar dwar il-korsijiet offruti. Se jkun hemm ukoll preżentazzjonijiet minn diversi programmi ta’ studju li joffri l-ITS.
Tkellimna mal-lekċerer Helena Micallef u mal-istudenti tagħha, li qed jorganizzaw dan l-avveniment. Micallef spjegat kif dan l-avveniment huwa parti mit-taħriġ tal-istudenti fil-kors li tgħallem, tal-immaniġġjar.
Hija għarrfitna fuq uħud mill-bosta attivitajiet li hemm ippjanat li jiġu organizzati.
“In-nies ta’ hemm barra jkunu jafu aħna x’qed noffru, għax hemm mentalità li l-ITS, hija tikkejterja għax-chefs biss. Eżempju, aħna hawnhekk għandna ħafna dipartimenti differenti. Għandna fakultajiet differenti u qed niftuha biex kulħadd ikun jaf eżattament x’noffru.”
Hija spejgat ukoll li se jkun hemm attivitajiet fejn il-pubbliku se jkun jista’ jieħu sehem fit-tisjir u li se jkun hemm ukoll wine tasting sessions li wieħed irid jibbukja għalihom minn qabel minħabba li l-postijiet huma limitati.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, tkellem dwar kemm l-ITS għamel kambjament f’dawn l-aħħar snin, minħabba l-fatt li żdiedu kemm in-numru kif ukoll il-livell tal-korsijiet offruti. Barra minn hekk, kiber l-għadd ta’ studenti li huma interessati jidħlu jistudjaw f’din l-istituzzjoni edukattiva.
“Illum il-ġurnata noffru degrees u Master’s degrees ukoll. Rajna kambjament mhux biss minn courses ta’ livelli għolja imma uwoll bdejna niftħu l-firxa tal-courses illi noffru.”
Il-Kap Eżekuttiv irrimarka li l-iskola toffri korsijiet uniċi fid-dinja bħal Diving Safety Mangament Course u Diploma in Climate-Friendly Travel. Qalilna wkoll li l-istitut qed jespandi f’livell internazzjonali, grazzi għat-tagħlim uniku li joffri, immirat lejn l-industrija tat-turiżmu.
“Huwa ta’ sodisfazzjon illi wasalna f’sitwazzjoni, issa, illi mhux aħna qed immorru naraw biex insibu dawn il-collaborations ma’ istituzzjonijiet internazzjonali, imma issa qegħdin f’sitwazzjoni fejn huma qed javviċinaw lilna u jridu huma jiġu jikkollaboraw magħna.”