Bugħaddas tal-fish farms li tħalla paralizzat mill-qadd ‘l isfel f’April tal-2012 ingħata mill-Qorti kumpens ta’ ‘l fuq minn €500,000 f’danni.
Frederick Catania sofra minn problemi relatati mad-dekompressjoni fis-sinsla ta’ dahru, wara għadsa ta’ 71 metru biex jaħdem fuq gaġeġ li jappartjenu lil Ta’ Mattew Fish Farms Limited. L-inċident ħallih b’diżabilità permanenti ta’ 75 fil-mija u, konsegwenza ta’ hekk, ma jistax jaħdem.
Catania talab lil min iħaddmu għad-danni, bl-argument li dawn naqsu milli jiżguraw is-sigurtà tiegħu. Iżda l-kumpanija qalet li t-talba tiegħu kienet infondata u li Catania tħallas dak dovut lilu skont id-drittijiet tiegħu, flimkien ma’ ħlasijiet addizzjonali.
Fil-Qorti ntqal li Catania ma’ kienx ipprovdut b’ċilindri speċjalizzati użati għal għadis speċjalizzat bħalma kien jagħmel hu. L-avukati li jirrappreżentaw lil Ta’ Mattew Fish Farms argumentaw li l-ftehim tax-xogħol ta’ Catania kien jistipula li hu kellu jipprovdi t-tagħmir tiegħu stess. Iżda l-Qorti nnutat li l-kumpanija qatt ma pproduċiet kopja ta’ tali kuntratt jew stipulazzjoni bil-miktub.
Espert mediku kkonkluda li dak li sofra Catania kien ir-riżultat kumulattiv ta’ diversi għadsiet fil-baħar fond, aktar milli minħabba l-għadsa ta’ April 2012, li bagħtitu l-isptar. Qal ukoll li l-inċident kien immaniġġjat ħażin minn min iħaddem lil Catania. Fost l-oħrajn, ingħata l-forma ħażina ta’ ossiġnu meta ttella’ fil-wiċċ, u l-ekwipaġġ dam siegħa u nofs biex wasslu l-isptar.
Għaldaqstant, il-Qorti ordnat li Catania jingħata €534,000 f’danni, flimkien ma’ imgħax akkumulat minn Novembru 2015 sal-lum.