L-atleta tal-Mellieħa AC Dillon Cassar ikkonferma l-qawwa tiegħu fuq id-distanzi l-qosra fit-triq meta rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali tal-5k. B’hekk Cassar għaqqad doppjetta fuq 5k u 10k għat-tiena sena konsekuttiva. Ir-rebħa tiegħu f’Ħal Far kienet aktar impressjonanti hekk kif waqqaf rekord nazzjonali ġdid fuq id-distanza b’ħin ta’ 14:54 minkejja riħ qawwi li kkaratterizza t-tellieqa.
Luke Micallef (Pembroke AC) u Simon Spiteri (St. Patrick’s AC) temmew fit-tieni u t-tielet post b’ħin ta’ 15:20 and 16:05 rispettivament. David Borg (Athletix AC) rebaħ it-titlu tal-Under 23 b’ħin ta’ 16:13, hekk kif irritorna għall-azzjoni wara ftit ġimgħat nieqes mill-kompetizzjonijiet. Julian Zarb (La Salle) rebaħ it-titlu tal-Under 20 u Under 18.
Roberta Schembri (Evolve EC) rebħet it-titlu tan-nisa b’ħin ta’ 17:38, segwita mill-qrib minn Joelle Cortis b’17:47. Kyla Farrugia (St. Patrick’s AC) kompliet turi titjib b’saħħtu hekk kif ħadet it-titli tal-Under 20 u Under 23 f’ħin rekord ta’ 19:03.
It-tellieqa tal-Kampjonat Nazzjonali tal-5k serviet ukoll bħala t-tielet parti tar-Road Running Series. Billi f’kull tellieqa l-podju kien wieeħd differenti, kollox issa se jaqa’ għall-aħħar tellieqa f’Marsascala fis-26 ta’ Marzu biex jiġu assenjati t-titli rispettivi kemm fuq bażi individwali kif ukoll ta’ klabb.
European Throwing Cup – Leira, Portugall
Fi tmiem il-ġimgħa tlieta mill-aqwa atleti fil-qasam tat-tfigħ ta’ pajjiżna kellhom l-opportunità li jikkompetu mal-aqwa kompetituri Ewropej fil-European Throwing Cup f’Leira fil-Portugall.
Bradley Farrugia u Luke Micallef ħadu sehem fil-kompetizzjoni tad-discus, u kisbu riżultat ta’ 50.79m u 49.71m rispettivament.
Mireya Cassar, ħadet sehem fil-kompetitizzjoni tal-hammer throw Under 23, u rreġisrat distanza ta’ 51.80. Din l-esperjenza, appoġġjata minn Sport Malta, il-Kumitat Olimpiku Malti u l-NDSF se tkompli ssaħħaħ il-preparazzjoni ta’ dawn l-atleti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna aktar tard din is-sena.