It-Tnejn kompla l-logħob mill-fażi tal-gruppi waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tal-irġiel fejn minn dsatax –il logħba l-plejers maltin rebħu ħdax. Minnhom l-aktar li tispikka kienet ir-rebħa li rreġistra Chris Peplow fuq iż-żagħżugħ skoċċiż Liam Graham li l-ġurnata ta’ qabel kien għadu kif sar iċ-Champion Ewropew il-ġdid fil-kateġorija ta’ Taħt il-21 sena.
Fl-ewwel jum Peplow kien ħareġ tellief iżda il-bieraħ patta b’żewġ rebħiet li fihom ma tilef l-ebda frame.
F’dan il-jum kellna l-ewwel żewġ plejers maltin li kkwalifikaw għar-round tan-knock out għal mal-aħħar 72. Dawn kienu Aaron Busuttil u Alex Borg li rreġistraw it-tielet rebħa minn daqstant logħbiet. Busuttil rebaħ iż-żewġ logħbiet 3-1 u fit-tieni konfront tiegħu rebaħ kontra iż-żgħażugħ Skoċċiż Jack Borwick li l-Erbgħa li għadda kien sar iċ-Champion Ewropew ta’ Taħt is-16-il sena. Alex Borg fiż-żewġ rebħiet tal-lum ma tilef l-ebda frame.
Brian Cini u Arthur Cachia wkoll rebħu l-partita tagħhom biex dawn issa għandhom żewġ rebħiet. Cini s’issa huwa l-uniku player Malti li għadu ma tilef l-ebda frame.
Kemm Ivan Attard u Mark Saffrett ma rnexxielhomx jirbħu l-konfront ta’ filgħodu pero’ fis-sessjoni ta’ filgħaxija t-tnejn rebħu bi skor identiku ta’ 3-1 biex irregistraw l-ewwel rebħa tagħhom f’dan il-kampjonat. Dawn it-tnejn flimkien ma Chris Peplow għada ma jmisshomx jilgħabu u l-aħħar logħba tagħhom tal-gruppi ssir l-Erbgħa.
Illum it-Tlieta, l-Maltin f’din il-fażi tal-gruppi ser jilgħabu fi ħmistax il-partita. Aaron Busuttil u Alex Borg li diġa kkwalifikaw itemmu l-impenji tagħhom f’din il-fażi filwaqt li Frans Mintoff u Joseph Casha jilgħabu darbtejn.