Għaxar snin ilu: nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Marzu 2013.
Jittieħed l-aħħar vot fil-Konklavi fil-Kappella Sistina fil-Vatikan. Kardinal iġib biżżejjed voti u l-Knisja Kattolika jkollha ragħaj ġdid.
Għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija duħħan abjad beda ħiereġ miċ-ċumnija tal-kappella, eluf ta’ nies bdew jinġabru fi Pjazza San Pietru u miljuni oħra segwew minn ġo djarhom.
Il-Kardinal proto-djaknu, Jean-Louis Tauran, għamel it-tħabbira solenni lin-nies fit-tmienja u kwart ta’ filgħaxija mill-gallarija ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru .
Habemus Papam: għandna Papa. Il-Kardinal Arġentin Jorge Mario Bergolio se jkun il-Isqof il-ġdid ta’ Ruma.
Ċapċip u għajjat kbir dewa mal-kolonni ta’ Bernini fl-iżgħar Stat tad-dinja, hekk kif tħabbar ukoll li, għall-ewwel darba, il-265 suċċessur ta’ Pietru kien se jagħżel l-isem ta’ Franġisku, kien se jkun Ġiżwita, u kien ġej mill-Amerika Latina.
Kien għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija meta l-Papa l-ġdid, li ħareġ wara s-salib fil-gallerija ta’ San Pietru, deher għall-ewwel darba fil-pubbliku liebes sempliċiment l-abjad.
Huwa indirizza lill-folla enormi li kienet inġabret minn waranofshinar fil-bard u x-xita fi Pjazza SanPietru u talab l-Urbi et Orbi.
Fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju, ONE News iltaqa’ mal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, Frank Zammit, li qasam magħna l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan id-deċennju bi Franġisku fit-tmun tal-Knisja Kattolika.
“Papa Franġisku jaffaxxinani ħafna għall-mod tal-ħniena li juri mal-batut, bil-provi – jinżel hu jgħin lill-batut – kif ukoll il-viżjoni missjunarja tiegħu. Tul il-pontifikat tiegħu rnexxielu jibni infrastruttura taħt il-kolonnat sabiex jgħin lin-nies fqar tal-madwar tal-Vatikan.”
L-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede Frank Zammit
Huwa qal li Franġisku f’dawn is-snin fetaħ klinika li fiha jinqdew nies foqra u fil-bżonn, li wħud minnhom lanqas biss għandhom identifikazzjoni f’Ruma. Hawnhekk jaħdmu għadd ta’ professuri u infermiera li jgħinu lil dawn in-nies bla saqaf fuq rashom.
Franġisku talab biex ikun hemm doċċi biex dawn iżommu ruħhom indaf, u kuljum iqassam mijiet ta’ ikliet. Sellef ukoll lil din il-komunità palazz, proprjetà tas-Santa Sede fil-Vatikan, biex fih matul il-lejl joqogħdu nies li kienu jorqdu fuq il-kaxxi tal-kartun.
Kif żvela magħna l-Ambaxxatur Frank Zammit, Malta wkoll se tkun involuta f’din il-missjoni li beda l-Papa Franġisku.
“Laqqgħajt lid-Dekan tal-Fakultà tal-Mediċina fl-Università ta’ Malta mal-Kap Eżekuttiv tal-Klinika sabiex studenti tal-mediċina Maltin jitilgħu jagħmlu xogħol volontarju tul is-sajf fil-klinika tal-Papa.”
L-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede Frank Zammit
Il-Gvern u l-komunità tan-negozju f’Malta wkoll taw sehemhom f’din il-klinika, fosthom b’donazzjoni ta’ mijiet ta’ swab tests fi żmien il-pandemija.
“Il-Prim Ministru fiż-żjara ta’ Franġisku f’Malta kien ta magna medikali tad-demm li qed tintuża f’din il-klinika. Kien hemm Pawlu Gauci tal-Pama li anke ta żewġ medical devices lil din il-klinika.”
L-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede Frank Zammit
Il-Papa Franġisku, li tul il-pontifikat tiegħu s’issa għamel 40 żjara Appostolika, inkluż f’Malta, żgur se jibqa’ mfakkar għall-mod kif dejjem ħadem u appella għall-paċi.