Il-Ħadd filgħodu, kienu bosta li laqgħu l-istedina tal-Partit Laburista sabiex jiltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela, ġewwa l-Park ta’ San Klement, f’Ħaż-Żabbar.
Din l-attivita’, immirata għall-familja kollha, ħadet xejra differenti minn attivitajiet oħrajn, hekk kif saret fi spazju miftuħ u li ħaddnet atmosfera ta’ familja.
Kienu bosta familji u persuni li fil-fatt, iltaqgħu u tkellmu mal-Prim Ministru u martu f’din l-attività.
Numru ta’ persuni li tkellmu ma’ dan l-istazzjon urew is-sodisfazzjon tagħhom għal din l-inizjattiva, hekk kif qed tkompli tkun xhieda ta’ kemm il-Partit Laburista qed jibqa’ viċin in-nies.
Il-Park San Klement, riċentament ġie estiż b’elfejn metru kwadru u fih tħawlu bosta siġar u arbuxelli, bħala parti mill-wegħda elettorali ta’ investiment ta’ €700,000,000 fuq seba’ snin, għall-ambjent.
Fil-fatt, kienu bosta li faħħru l-investiment tal-Gvern u l-aġenzija Project Green, hekk kif spazji bħal dawn qed ikomplu jħaddru lill-pajjiżna u joffru spazji rikreattivi għall-familji Maltin. Dan favur kwalità ta’ ħajja aħjar.
Intant ma’ ONE News tkellmet ukoll il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, li qalet li l-qofol tal-ħidma tal-Partit Laburista hija li jiċċelebra l-ħidma tiegħu mal-familji Maltin u Għawdxin.
“Familji differenti, ta’ etajiet differenti, sabiex nieħdu gost ilkoll flimkien. Attivitajiet varji imma aktar minn hekk, il-Partit Laburista dejjem jiċċelebra mal-familji Maltin u Għawdxin, għax tul dawn l-10 snin ta’ Gvern Laburista, diversi inċentivi kienu dejjem indirizzati sabiex il-familji Maltin tagħna jkollhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar.”