Illum, f’pajjizna se jkunu qed jiltaqgħu il-mexxejja tal-Istati membri, biex jiddiskutu waħda mill-iktar realtajiet, li skont stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru, huwa ta’ tħassib għalina ċ-ċittadini – L-imigrazzjoni. Dan is-summit qed isir propju f’Malta, hekk kif għal dawn is-sitt xhur huwa pajjiżna li għandu t-tmum tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar jiem qrajna u smajna dwar il-messaġġ ewlieni tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, messaġġ li ntbgħat flimkien mal-istedina lit-28 mexxej biex jattendu għal dan is-summit importanti.
Fil-messaġġ tiegħu, Tusk, elenka dwar tliet sfidi ewlenin li bħalissa qed taffaċja l-Unjoni Ewropea, jiġifieri:
- Theddida minn pajjizi barra mill-UE
- Dubji f’dawk li huma valuri baziċi tal-Unjoni
- Is-sentiment kontra l-Unjoni Ewropea
Filfatt, dawn it-tliet aspetti huma riflessi fl-aġenda tas-summit hekk kif id-diskussjoni se tkun qed tinqasam fi tnejn:
Filgħodu, it-28 kap ta’ stat jew ta’ gvern ser jindirizzaw id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni. Huma mistennija jiffokaw id-diskussjonijiet tagħhom fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u l-Libja.
Bl-għan ewlieni jkun li jinstabu soluzzjonijiet għall-pressjonijiet migratorji. Fil-messaġġ li għamel il-President tal-Kunsill Ewropew ilbieraħ stqarr li f’dan is-summit se jkunu qed jitressqu proposti konkreti li jeqirdu r-rotta tal-immigrazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran filwaqt li tkisser iċ-ċirku ta’ traffikanti ta’ bnedmin, biex b’hekk jiġu salvati aktar ħajjiet. Wara laqgħat li kellu mal-Prim Ministru Libjan Fayez Al Sarraj u mal-Prim Ministru Taljan, Paolo Gentiloni, Tusk jinsab ċert li dan jista’ jsir.
Il-vizjoni ta’ Tusk timxi pari passu mad-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat, hekk kif fil-prezentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Strasburgu huwa elenka li l-ftehim li sar mat-Turkija jista’ jiġi replikat mal-Libja. Bid-dikjarazzjonijiet ta’ Tusk u Muscat juru li l-vizjoni hija ċara biex din ir-realta verament tiġi indirizzata.
Dawn id-diskussjonijiet se jkunu qed jieħdu lill-mexxejja fit-tieni punt tal-aġenda. F’pajjizna l-mexxejja se jkunu qed iħejju għas-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma li se jiġi ċċelebrat fil-25 ta’ Marzu 2017. It-trattat ta’ Ruma jara l-bidu tal-Unjoni Ewropea li nafu llum, unjoni Ewropea li issa għandha quddiema sfidi ġodda minn dawk ta’ sittin sena ilu u għalhekk fis-summit informali se tkun qed issir riflessjoni politika dwar il-futur tal-UE.
Permezz ta’ din l-istampa tista’ tifhem aħjar kif dan is-summit se jkun imqassam:
Jekk trid tkun taf dwar l-arranġamenti tal-parkeġġ idħol fuq din il-link: AVVIŻ importanti dwar il-parkeġġ fil-Belt Valletta l-Ġimgħa