Is-Sindku Nazzjonalista tal-Iklin hu n-nutar fiċ-ċentru ta’ patti kontroversjali li ma mmaterjalizzawx u ħallew numru ta’ koppji jiġru wara flushom waqt li l-ħolma li jkollhom proprjetà tagħhom taret mar-riħ.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta KullĦadd, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd hekk kif spjegat li Dorian Sciberras li kien kandidat Nazzjonalista fuq it-Tmien Distrett fl-aħħar elezzjoni ġenerali, hu n-nutar li ppresieda numru ta’ konvenji li saru bejn il-kuntrattur Alex Mercieca u numru ta’ xerrejja ta’ proprjetà li spiċċaw qed jiġru wara flejjes li kienu ħarġu minn bwiethom biex jagħtuhom lil tal-ewwel li naqas milli xi darba jonora l-obbligi tiegħu u jibnilhom djarhom.
L-istorja ġiet żvelata għall-ewwel darba fit-Times ġimgħa ilu meta ġie rrapportat kif Mercieca kien qed jitfa’ fis-suq numru ta’ proġetti ta’ bini ta’ proprjetajiet għall-bejgħ bi prezzijiet li dehru raġonevoli ħafna jekk mhux irħas sew.
Kien hemm bosta persuni li kienu interessati f ’dawn il-proprjetajiet u bosta daħlu għal konvenju meta raw il-proprjetà mħażża fuq il-pjanta. Dawn il-persuni saħansitra ħallsu l-10% depożitu jekk mhux aktar, iżda meta spiċċa għadda ż-żmien u baqgħet ma ċċaqilqitx ġebla fejn kellhom jinbnew il-postijiet ġodda, spiċċaw b’xiber imnieħer.
Huma ngidmu waħda u sew hekk kif jirriżulta li Mercieca lanqas kien għadu ġie fil-pussess ta’ artijiet fejn ftiehem li jibnilhom il-postijiet. Wisq inqas tahom lura flushom.
Bħala avukat għal Mercieca qed jidher id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, inċidentament ukoll elett fuq it-Tmien Distrett, l-istess wieħed li ħareġ fuqu s-sena l-oħra Sciberras.
Mat-Times, Delia ddefenda lill-kuntrattur u qal li dan kellu diffikultajiet meta ma rnexxilux jikseb ċerti postijiet biex jiżviluppahom. Qal li anke l-pandemija m’għenitux u Mercieca qed jipprova jasal fi ftehimiet amikjevoli biex b’hekk jirranġa l-problemi li nqalgħu.
Mal-istess gazzetta, in-Nutar Sciberras ukoll ċaħad irregolaritajiet min-naħa tiegħu, filwaqt li ma riedx jagħti dettalji fuq konvenji għax qal li dawn huma privati.
Bosta koppji li ngidmu wkoll tkellmu magħna wara li l-istorja ħarġet fil-beraħ u sostnew li n-Nutar Sciberras suppost kellu obbligu li jiftħilhom għajnejhom minn ftehimiet riskjużi li setgħu jwasslu għall-problemi li fil-fatt twettqu.
“Mercieca kien jgħidilna ejjew naħdmu bin-Nutar Sciberras u aħna fdajnieh biex issa ara x’ħadna. La għandna l-proprjetà li nixtiequ u wisq iżjed id-depożitu li ħallasna biex issa qed nerġgħu nibdew kollox mill-bidu, waqt li wkoll niġru wara flusna”, saħqet waħda minn dawk li ngidmu mill-kuntrattur midjun.
S’issa mhux magħruf jekk hemmx koppji li ressqu lment quddiem il-Kunsill Notarili dwar l-allegat aġir tan-Nutar Sciberras u nutara oħrajn li kien jaħdem bihom Mercieca biex ħalla koppji u persuni b’ta’ fuqhom senduqhom. Dan għax il-liġi tgħid li wieħed jista’ jfittex lin-Nutar inkwistjoni jekk iħoss li dan ma mexiex kif suppost biex jipproteġi l-interessi tal-partijiet.