L-Aċċess għall-Ġustizzja u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, kienu fost it-temi ewlenin li ġew diskussi fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Ġustizzja fi Brussell.
Din id-diskussjoni tat opportunità lill-Istati Membri biex jiddiskutu inizjattivi li jindirizzaw sfida komuni fost diversi pajjiżi, dik marbuta mal-effiċjenza tal-proċeduri ġudizzjarji fi żmien raġonevoli.
Waqt din id-diskussjoni, il-Ministru Malti għall-Ġustizzja Jonathan Attard tenna kif f’pajjiżna qed issir ħidma estensiva f’dan il-qasam biex jassiguraw li l-ġustizzja ssir fi żmien raġonevoli.
Qal, “F’Malta llum għandna l-akbar numru ta’ ġudikatura fl-istorja, qed isir investiment bla preċedent fl-infrastruttura, inkluż dik diġitali, fir-riżorsa umani u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Qed ikomplu jiġu implimentati riformi leġislattivi intiżi li jkomplu jimmodernizzaw il-liġijiet u jżidu l-effiċjenza.”
F’dan ir-rigward il-Ministru semma kif fil-ġimgħat li ġejjin se titnieda konsultazzjoni pubblika dwar il-proċess tal-kumpilazzjoni u sussegwentament jitressqu l-emendi legali neċessarji fil-Parlament Malti.
Dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u spazju ċiviku, il-Ministru Attard spjega kif Malta diġà ressqet numru ta’ abbozzi li jsaħħu u jipproteġu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Huwa saħaq li f’Malta l-abbozz ta’ liġi kontra l-iSlapp jinsab fl-Ewwel Qari u fuq livell Ewropew Malta qed tappella biex f’dan l-istadju ma tiddgħajjifx il-proposta tad-direttiva kontra l-iSlapp.
Il-Ministri tal-Unjoni Ewropea tal-Ġustizzja ddiskutew ukoll il-ġlieda kontra l-impunità relatata mar-reati kriminali tal-aggressjoni Russa, il-konfiskar u rkupru tal-assi u l-ġlieda kontra r-razziżmu.