In-numru ta’ żwiġijiet fil-Knisja li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta fis-sena 2016 kien ta’ 1,354. Minn dawn, 1,160 żwieġ kienu bejn Maltin. Kien hemm ukoll 73 żwieġ bejn Maltin u barranin.
Dawn kienu mqassmin hekk: 39 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barranin; 26 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin; 8 żwiġijiet ta’ Maltin ma’ barranin li mhumiex Insara. Ġew rreġistrati wkoll 10 żwiġijiet bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra, u 111-il żwieġ bejn koppji barranin.
It-73 persuna minn pajjiżi oħra li fl-2016 ingħaqdu fi żwieġ fil-Knisja ma’ persuni Maltin kienu 34 raġel u 39 mara, minn 34 pajjiż differenti, ewlenin fosthom mill-Italja (9), mill-Ingilterra (7) u mir-Russja (6). L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Ġunju, Mejju u Lulju rispettivament. L-aktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu s-sena l-oħra kienu dawk ta’ bejn l-20 u d-29 sena.
Fl-2016 kien hemm 76 żwieġ li ġie konvalidat. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż-żmien il-koppja titlob li jsir bil-Knisja. Fl-istess perijodu kien hemm 17 armel/armla li reġgħu żżewġu, kif ukoll 51 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.
Din l-informazzjoni nġabret mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof, u ma tinkludix iż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.