Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’xogħlijiet ta’ restawr u l-bini mill-ġdid tal-makkinarju tal-mitħna tax-Xarolla, fiż-Żurrieq.
Dan wara li f’Marzu tas-sena l-oħra, din il-mitħna sofriet ħsarat estensivi.
Crew ta’ ONE News żar is-sessjoni tal-mastrudaxxi fil-garaxx tal-Gvern f’Kordin, fejn rajna x-xogħol li qed isir fl-injam sabiex din il-mitħna terġa’ tkun fl-istat oriġinali tagħha.
Hawnhekk iltqajna mal-uffiċjal tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Noel Polidano, fejn spjegalna li għal bidu ġew mitluba biex jagħmlu riparazzjoni żgħira, iżda indunaw li l-mitħna kellha ħsarat ulterjuri.
Dan hekk kif riedu jinbidlu fost oħrajn ix-xaft u anki ħafna mill-antenni, li issa qed isiru mill-ġdid.
Qal, “Għamilna wkoll anki l-manutenzjoni tal-apperturi u issa fil-preżent għaddejjin anki l-pathway. Hemmhekk hemm qisu bridge, biex niftemu, qegħdin nagħmlu l-manutenzjoni tagħhom. Qegħdin naqlawhom, niżbgħuhom, nerġgħu nagħmlu kollox biex x’ħin niġu biex inpoġġu dik, inkunu lesti fil-post tkun lesta b’kollox.”
F’din l-intervista, Polidano qal magħna li meta kien apprentistat kien ħadem fuq din il-mitħna u qal li hija xi ħaġa speċjali li wara dan iż-żmien, huwa u l-kollegi tiegħu qegħdin jaħdmu sabiex din il-mitħna terġa’ lura għal glorja tagħha.
Stqarr, “Għalina tfisser ħafna. Ir-raġuni hija li meta aħna konna apprentisti ħafna minnha ħdimna fuqha din. Allura meta tiġi tara li dak iż-żmien, ħa niktellem fuq; dak iż-żmien jien kont apprentist u llum in-charge minn dan ix-xogħol, hija xi ħaġa li ma tantx naħseb hawn min li tiġrilu tul il-karriera tiegħu. Ija, għalina hija xi ħaġa ta’ sodisfazzjon.”