Mario Farrugia u Clint Cauchi ta’ tnejn u ħamsin u tmienja u tletin sena rispettivament, ingħataw sentenza ta’ tliet snin probation wara li nstabu ħatja li wettqu diversi serqiet.
L-akkużi jmorru lura għall-elfejn u tmintax, meta f’Awwissu kienu serqu żewġ karozzi u mutur fost l-oħrajn. Huma kienu akkużati wkoll li huma riċedivi.
Il-Qorti kienet semgħet li l-Pulizija kienet daħlitilha informazzjoni, li sid waħda mill-karozzi misruqa waslitlu għal widnejh fejn tinsab il-vettura, u kif waslu l-Pulizija fuq il-post, sabu lil Cauchi u raġel ieħor reqdin fiha.
Instema’ wkoll kif darb’oħra, kien ġie mwaqqaf vann suspettuż li kien qed isuq Farrugia f’Birkirkara, fejn instabu numru ta’ oġġetti li kienu misruqa.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Qorti kkunsidrat il-fatt li dak iż-żmien tar-reati, l-imputati kellhom problema ta’ droga, iżda rnexxielhom jindirizzawha, hekk kif qed jaħdmu biex itejbu ħajjithom.
Apparti minn hekk, ġew ordnati wkoll iħallsu l-ispejjeż tal-Qorti.