Ir-Renju Unit, għall-ewwel darba, se jgħin biex jiffinanzja ċentru ta’ detenzjoni tal-migranti fi Franza, qal dan il-Prim Ministru Brittaniku Rishi Sunak li bħalissa jinsab f’Pariġi għal summit.
Fil-fatt, dan huwa l-ewwel summit bejn ir-Renju Unit u Franza f’ħames snin.
F’laqgħa li kellu il-Prim Ministru Brittaniku mal-President Franċiż Emmanuel Macron, qabel maż-żewġ mexxejja indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet, qal li jrid kapitlu ġdid fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Sunak u Macron kellhom taħditiet dwar sforzi konġunti biex jonqsu n-nies li jaqsmu bejn iż-żewġ pajjiżi bid-dgħajjes b’mod illegali.
Is-sena li għaddiet qasmu minn Franza għar-Renju Unit aktar minn 45,000 persuna.