Ġie żviluppat qafas mekkaniku għal id prostetika li tixbaħ l-id umana.
Tliet dipartimenti mill-Università ta’ Malta kkollaboraw flimkien f’dan il-proġett.
Dawn jinkludu d-Dipartiment tal-Inġinerija Mekkanika, id-Dipartiment tas-Sistemi u l-Inġinerija, u d-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali li ssieħbu mal-Orthopaedic Centre Malta Ltd biex jiżviluppaw id prostetika għal skop kummerċjali.
Dan il-proġett irċieva madwar mitejn elf ewro f’fondi permezz tal-Programm tal-R & I Fusion, iffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Minbarra li dan il-proġett ippermetta li tiġi żviluppata din l-id prostetika fi żmien qasir ħafna, ta lok lill-konsorzju li jimpjega riċerkaturi full-time biex iwettqu x-xogħol analitiku li huwa meħtieġ biex twettaq proġett ta’ dan it-tip.
Il-Prof Michael A. Saliba, li mexxa l-proġett MAProHand qal li jinsab ferm kuntenti bir-riżultati li nkisbu, partikolarment li l-id prostetika li fiha numru żgħir ħafna ta’ ġogi, li jekk jiġu ddisinjati tajjeb, tista’ twettaq ħafna mill-funzjonijiet tal-id fl-attivitajiet ta’ kuljum.
Qal, “Kuntenti ħafna b’dan il-proġett li rnexxielna nagħmlu mudell ta’ id prostetika li hija sempliċi, imma fl-istess ħin tista’ tagħmel ħafna affarijiet li tagħmel l-id umana. Dan b’mod li minn qed jużaha jħossha, qisu għandu idu stess, għax qed juża l-muskoli tiegħu bl-istess mod kif tagħmel meta tuża idejk.”
Iċ-Chairman tal-MCST Dr Tonio Portughese qal li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija jemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala wieħed mill-mezzi biex jinħoloq attività ekonomika, u b’hekk jiġi ġġenerat il-ġid ekonomiku.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti laqa’ dan il-proġett fejn stqarr li riċerka bħal din li qed issir f’Malta tista’ wkoll tħalli impatt kbir f’pajjiżi oħra.
Huwa spjega li l-Gvern diġà joffri diversi opportunitajiet ta’ skemi u finanzjament sabiex jittejeb ir-riċerka lokali u jisaħħaħ il-kollaborazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra.