Il-Ħamis bdiet parti importanti ħafna ta’ dan il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker għal fatt li r-rebbieħ f’din il-kategorija ta’ Taħt il-21 sena jkun nominat mill-European Billiards and Snooker Association biex jirċievi World Snooker Tour Card għal żewġ istaġuni, 2023/24 u 2024/25. B’hekk ikollu dritt li jipparteċipa bħala player professjonali fl-aqwa kompetizzjonijiet fix-xena dinija tas-snooker mal-aqwa stilel tal-mument.
F’din il-kategorija qed jieħdu sehem 96 player u r-rebbieħ jiġi inkurunat nhar il-Ħadd li ġej wara li bejn fażi ta’ gruppi u knock out ikunu ntlagħbu 207 logħba. Il-logħob kollu tal-gruppi jitlesta fuq jumejn u mill-kontigent Malti f’din il-kategorija qed jieħdu sehem Jake Agius, Luke Pace u Xavier Rizzo li fil-gruppi tagħhom għandhom oppożizzjoni ferm qawwija. Jake Agius diġa lagħab u tilef kontra l-Ingliż Ryan Davies filwaqt li Luke Pace tilef kontra Iulian Boiko mill-Ukranja. Dawn iż-żewġ players huma fost il-favoriti li jistgħu jissiltu għar-rebħ ta’ dan it-titlu l-Ħadd li ġej. Davies f’din il-kateġorija huwa it-tieni l-aqwa player fil-rankings tas-Snooker fl-Ingilterra filwaqt li Boiko, li llum għad għandu 17-il sena, fl-istaġuni 2020/21 u 2021/22 diġa kien professjonali fil-World Snooker Tour.
Inċidentalment dawn it-tnejn kienu Iltaqgħu kontra xulxin fil-fażi tal-aħħar 32 waqt il-Kampjonat tal-Junior Open tal-World Snooker Federation li saru f’Malta wkoll fl-2020. Dak in-nhar Davies kien spiċċa rebbieħ bi frame deċiżiv.
Il-Ħamis ukoll tkompla l-logħob ta’ Taħt it-18-il sena fejn filgħodu ntlagħabu t-tmien logħbiet tal-aħħar sittax u tard filgħaxija sirna nafu min ser ikunu l-erba’ semi-finalisti li wieħed minnhom illum il-Ġimgħa jsir ic-Champion Ewropew f’din il-kategorija. L-aħħar tliet logħbiet ser ikunu nklużi fil-programm tal-lum. L-ewwel semi finali bejn Vladislav Gradinari (Moldova) u Liam Pullen (Ingilterra) tintlagħab fl-10 a.m. filwaqt li fis-2 p.m. Artemijs Žižins (Latvja) jiltaqa‘ kontra Bulcsú Révész (Ungerija).
Ritratti: EBSA