Aktar minn 70 persuna fin-negozju attendew taħriġ dwar l-Ambjent, is-Soċjal u l-Governanza, magħruf aħjar bħala ESG, organizzat mill-Malta Enterprise.
L-għan ta’ dan it-taħriġ kien li jrawwem għarfien speċjalizzat dwar prattiċi sostenibbli, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għan-negozji lokali.
Kif spjegat il-Kap tal-Uffiċċju tas-Sostenibbiltà Industrijali u l-Iżvilupp fi ħdan il-Malta Enterprise, Nadine Grech, tul din l-attività l-parteċipanti kellhom iċ-ċans jsiru jafu aħjar kif jistgħu jibbenefikaw minn skemi varji li jistgħu jgħinuhom fl-investimenti meħtieġa, fosthom kif jintegraw metodi differenti biex inaqqsu l-emissjonijiet u kif jaddottaw il-kriterji tal-ESG.
Qalet, “Bħala Malta Enterprise biex inkomplu nippromwovu s-sostenibbiltà, għandna diversi skemi li kumpaniji jistgħu japplikaw għalihom biex jilħqu l-objettivi tagħhom tas-sostennibiltà.”
It-taħriġ kien immexxi minn Dr Nigel Davies, espert fis-sostenibbiltà, b’aktar minn 30 sena ta’ esperjenza. Dr Davies jaħdem ma’ aktar minn 60 klijent fuq dan is-suġġett f’industriji differenti bħall-manifattura, il-films, it-teatru, l-iffurmar tal-plastik, l-agrikoltura, id-divertiment, u l-ospitalità.
Il-parteċipanti kellhom l-opportunità jaraw kif jużaw l-ESG bħala għodda kummerċjali biex isiru aktar sostenibbli u fl-istess waqt iwasslu għal pajjiż dekarbonizzat sal-2050.
Waqt li kienet qed tindirizza t-taħriġ, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħeġġet lin-negozji biex joħorġu b’ideat u jisfruttaw l-għajnuna mogħtija mingħand il-Malta Enterprise, sabiex jibdew it-triq tas-sostenibbiltà.
Qalet, “Qed inħarsu lejn il-kriterji tal-ESG bis-serjetà, għaliex qed nirealizzaw aktar minn qatt qabel li meta n-negozji jkunu qed jilħqu l-kriterji tal-ESG mhux biss ikun hemm benefiċċju ambjentali, soċjali u fejn tidħol il-Governanza imma qed jaraw li jkunu aktar kompetittivi u profetabbli.”