Mitejn u tlettax-il sajjied applikaw għall-iskema ta’ assistenza fuq spejjeż addizzjonali relatati max-xiri tal-fjuwil.
Din l-iskema għandha l-għan li tindirizza l-isfidi li bħalissa qed jaffaċċja s-settur tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil kawża tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja; u saret b’investiment ta’ miljun ewro.
L-għotja li se tingħata hija ekwivalenti għaż-żieda fil-prezz tal-fjuwil meta mqabbel maċ-ċifra abbażi l-prezz ta’ Frar, li tammonta għal madwar ħamsa u sittin ċenteżmu għal kull litru li jinxtara.
B’hekk meta mqabbel mal-prezz attwali ta’ Marzu, is-sidien ta’ bastimenti liċenzjati bħala sajjieda full-time u li huma reġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, se jkunu qed jiffrankaw dsatax-il ċenteżmu fuq kull litru.
Din l-iskema ġiet estiża għal sena oħra, wara li nfetħet is-sena l-oħra.
Din l-għajnuna hija waħda minn kullana ta’ inizjattivi li l-Gvern ħabbar biex jinżamm stabbli l-prezz tal-ikel f’Malta.
Jonathan Farrugia huwa wieħed mis-sajjieda li bbenefikaw minn din l-għajnuna. Ma’ ONE News spjega li din l-iskema se tagħmel tajjeb għad-differenza fil-prezz tal-fuel, li din is-sena kompla jogħla, u qal li s-sajjieda se jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem.
Qal, “Kien għolilna ħafna diesel u kullħadd beda jibża jmur jistad, imma issa irraġajna naqa b’din l-għajnuna ta’ sussidju tal-Gvern.”
William Bugeja huwa sajjied ieħor, li spjega kif din l-għajnuna qed tgħin fl-istabbiltà fil-prezzijiet tal-ħut; biex il-konsumatur Malti jsib ħut frisk u affordabli fis-suq Malti.
Qal, “Jekk ma jkunx is-sussidju, jew ikollna ngħolu l-ħut jew inżarmaw. Fil-każ li nżarmaw, mhux se nżarmaw żgur, jigifiri ikollna ngħolu l-preżż tal-ħut. Ovjament il-konsumatur se jsib ħut għoli iżjed. Jigifiri din l-għajnuna tal-Gvern hija tajjba ħafna għaliex il-prezz ta’ diesel tagħna baqa stabbli, u l-prezz tal-konsumatur tal-ħut baqa stabbli wkoll.”