Waqt konferenza li laqqgħet taħt saqaf wieħed lil dawk kollha li applikaw u li qed jaspiraw li jkollhom karriera fil-films, dawk preżenti kellhom l-opportunità jistaqsu mistoqsijiet dwar il-korsijiet b’xejn li qed toffri l-Kummissjoni.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Kummissarju għall-Films, Johann Grech qalilna kemm huwa sodisfatt bil-konkorrenza tan-nies li qed jaspiraw li jaħdmu f’din l-industrija, li ta’ kuljum qed tikber u hija għatxana għal aktar talent lokali.
“Ġej ħafna xogħol f’pajjiżna u għalhekk irridu aktar Maltin u Għawdxin jitħarrġu f’dan ix-xogħol ħalli b’hekk naraw din l-industrija tal-films tkompli tikber u fejn fiha jgawdi minnha kulħadd.”
Tkellimna ma’ wħud minn dawk li applikaw; nies ta’ etajiet u ħiliet differenti, li jixtiequ jagħtu l-kontribut tagħhom fid-dinja tal-films.
- “Bħala industrija, kbira u bħala mastrudaxxa mhux ħa toqgħod tagħmel bibien u mwejjed biss…tista’ tagħmel ħafna affarjiet bl-injam.”
- “Jiena għandi ħafna esperjenza fil-ħjata, nagħmel kollox jiġifieri, reċti għamilt ukoll, imma issa naraw x’jagħżluni.”
- “Applikajt għas-settur bħala extra u jogħġobni dan ix-xogħol.”
Is-sena li għaddiet, l-industrija tal-films f’Malta ħalliet 85 miljun ewro fl-ekonomija Maltija: l-akbar effett ekonomiku f’dawn l-aħħar għaxar snin.
L-2022 waħedha, rat 24 produzzjoni jinħadmu f’pajjiżna.