Udjenza numeruża nhar il-Ħadd imliet it-Teatru Manoel għall-ftuħ tal-opra Tosca ta’ Giacomo Puccini.
B’teatru imballat, din il-produzzjoni tal-opra tant mistennija hija l-akbar waħda s’issa għat-Teatru Manoel u l-ewwel opra sħiħa wara l-pandemija, li tat spinta lil din it-tradizzjoni annwali tant maħbuba.
Din il-produzzjoni, li mhux ta’ min jitlifha, se tibqa’ għaddejja sat-12 ta’ Marzu u hija r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn żewġ entitajiet kulturali Pubbliċi, it-Teatru Manoel, u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, bis-sehem tal-Malta Philharmonic Orchestra u KorMalta flimkien mal-kor tat-tfal tal-Malta School of Music.
Iċ-Chairman tat-Teatru Manoel, Dr Michael Grech, u l-Kap Eżekuttiv Edward Zammit, flimkien maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, u l-Kap Eżekuttiv Catherine Tabone, laqgħu lill-mistednin fuq it-tapit l-aħmar.
Fost l-udjenza kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ambaxxatur Taljan, Fabrizio Romano.
Din il-produzzjoni l-ġdida, b’disinn u direzzjoni tal-istilla internazzjonali tal-opra, it-tenur Arġentin José Cura – li fiha jinterpreta l-irwol ta’ Cavaradossi – hija l-ewwel waħda fil-Manoel li fiha orkestra sinfonika sħiħa, permezz tad-disinn tal-palk ta’ Mro Cura, li jagħmel użu innovattiv mill-ispazju limitat.
Fi tmiem is-serata, Cura rringrazzja lit-tim b’saħħtu li ħadem wara l-kwinti, għax-xogħol siewi u d-dedikazzjoni tagħhom b’aċċenn partikolari fuq l-artist tal-palk tat-teatru Marco Bartolo, li se jirtira wara ħidma ta’ 30 sena fil-Manoel.