Il-Kampjonati Nazzjonali tad-Duathlon se jkunu ospitati minn Birkirkara St Joseph Sports Club il-Ħadd, 12 ta’ Marzu fi Fleur-de-Lys u se jsiru taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon.
Id-Duathlon se jikkonsisti f’ġirja ta’ 8km (3 dawriet), ċiklu ta’ 30km (12-il dawra) u ġirja ta’ 5km (2 dawriet) kollha li jsiru fi Triq l-Imdina, Fleur-de-Lys, Birkirkara. Ir-reġistrazzjonijiet jibqgħu miftuħa sas-0630hrs tal-Ħadd filgħodu, madankollu l-atleti jridu jkunu reġistrati mal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon sabiex jikkompetu.
Id-Duathlon tal-Ħadd, se tkun qed tagħti bidu għall-istaġun 2023 għall-Klabb, li se jkun qed jospita ‘l fuq minn għoxrin avveniment madwar varjetà ta’ sports fosthom atletika, ċikliżmu, triathlon u għawm fil-baħar. Il-Klabb se jkun qed jospita wkoll numru ta’ avvenimenti mmirati lejn atleti żgħażagħ interessati fil-multisport.
Il-Klabb ħabbar li ffirma lit-triatleta Finlandiża, bbażata f’Malta, Krista Kuusijarvi li reċentement ħadet il-kuluri tal-klabb fuq il-podju tan-nisa Oman Ironman 70.3, fejn ħadet l-ewwel post. Il-Klabb għandu wkoll it-triatleta Keith Galea li kellu sena ta’ suċċess kbir fl-2022 fejn fost l-attivita internazzjonali tiegħu kien hemm il-parteċipazzjoni fil-Logħob tal-Commonwealth. Fost akkwisti oħra hemm it-triatleta veteran David Galea li ser jġib esperjenza kbira lejn Il-Klabb.
Il-Klabb se jkun qed jaħdem mill-qrib ukoll fuq numru ta’ avvenimenti mal-Kunsill Reġjonali tal-Lvant bħala parti mill-attivitajiet tagħhom marbuta mal-inizjattiva tal-Kapitali Ewropea tal-Isport 2023.
L-avvenimenti tal-Klabb Sportiv San Ġużepp ta’ Birkirkara jsiru taħt l-awspicji tal-Federazzjoni Nazzjonali rispettiva li magħha huwa affiljat il-Klabb. Il-Klabb hu affiljat ma’ Athletics Malta, l-Assoċjazzjoni Sport Akwatiku ta’ Malta, il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u l-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon.
“Qed nistennew bil-ħerqa li nibdew il-kalendarju annwali tagħna. Din is-sena l-Klabb għamel xi bidliet fil-format tas-soltu biex jattira aktar nies lejn l-isport, irrispettivament mill-kapaċitajiet atletiċi tagħhom” ikkummenta Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali, Birkirkara St Joseph Sports Club.
Il-Klabb huwa appoġġjat minn Bike it Up, Eurosport Malta, Garmin Malta, emvigee pr&marketing, Go&Fun u San Michel.
Informazzjoni dwar il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-Klabb, jinstab fuq is-sit elettroniku tal-Klabb – https://bsj.mt/events-calendar/
Il-Klabb javża lis-sewwieqa li t-triq, fuq iż-żewġ naħat, se tkun magħluqa għat-traffiku mis-0730 sad-0930 ta’ filgħodu.