Il-Gvern ġedded l-iskema ‘Seed Investment’, li toffri inċentiv biex investituri jinvestu r-riżorsi tagħhom f’kumpaniji li jkunu għadhom qed jibdew, magħrfua aħjar bħala ‘startups’.
Dan se jsir billi l-investitur ikun eleġibbli għal kreditu ta’ taxxa sa massimu ta’ mitejn u ħamsin elf ewro.
Din l-iskema qed tiġI amministrata mill-Malta Investment Management Company Limited, il-MIMCOL. Il-Kap Eżekuttiv tal-MIMCOL, Jean Pierre Attard, spjega kif is-Seed Investment taħdem.
“Prattikament, l-iskema ilha varata mill-2016 u nafu li għad fadal take-up x’jittieħed. Dan prattikament għandek kreditu ta’ taxxa meta tinvesti f’kumpanija li tikkwalifika bħala ‘startup company’. Il-persuna li tinvesti se tkun qed tieħu kreditu ta’ taxxa sa mitejn u ħamsin elf ewro fis-sena. Jiġifieri inti, jekk għandek tħallas it-taxxa fis-sena ta’ qabel u tkun investejt f’kumpanija ‘startup’, ma tħallas l-ebda taxxa, dejjem jekk tieħu l-ħamsa u tletin fil-mija ta’ dak l-investiment li tkun għamilt.”
Din l-iskema b’hekk se tkun qed tqarreb lill-investituri, li għandhom il-kapital u r-riżorsi, mal-kumpaniji li jkollhom l-ideat.
Biex kumpanija tkun eliġibbli għas-Seed Investment, trid tkun intrapriża żgħira jew medja rreġistrata f’Malta, tkun ilha bl-attività tagħha mill-inqas tliet snin, ma tkun imniżżla fuq l-ebda Borża, tħaddem inqas minn għaxar impjegati magħha, u ma jkollhiex assi li jaqbżu l-mitejn u ħamsin elf ewro fil-valur tagħhom.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħata eżempju li, jekk investitur jinvesti sitt mitt elf ewro fi ‘startup’, kien ikollu jħallas mija u erbgħin elf ewro f’taxxa. Madanakollu, permezz tas-Seed Investment l-investitur se jkun qiegħed jieħu mitejn u għaxart elef ewro fi kreditu ta’ taxxa.
Dan ifisser li din il-persuna mhu se tkun qed tħallas l-ebda taxxa marbuta mal-investiment tagħha filwaqt li l-bilanċ jerġa’ jinqatgħalha mis-sena ta’ wara.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, innota li l-investiment dirett barrani huwa kejl importanti li juri kemm pajjiż huwa attraenti.
Huwa stqarr li l-Gvern irid joħloq klima biex jiġi inċentivat l-investiment, b’mod speċjali f’kumpaniji żgħar li jaf ikunu meqjusa ta’ aktar riskju minħabba l-innovazzjoni tagħhom.
“Aħna rridu kemm jista’ jkun inneħħu dik il-mentalità ta’ biża’, li jkollok nies li jkollhom ideat innovattivi, ġodda, jew ikollhom xi ‘startup’ – kumpanija żgħira li tixtieq toħroġ xi prodott jew servizz ġdid – u bil-biża’ li tfalli, allura, ma tidħolx għaliha. Għalhekk, qed naraw li nassistu b’din l-iskema tas-Seed Investment fejn, grazzi għal din l-iskema, qegħdin ngħidu li waħda mill-ikbar sfidi li jkollhom l-‘istartups’ huwa l-aċċess għall-kapital u l-investiment.”
Il-Ministru Silvio Schembri stqarr li fuq livell nazzjonali din l-iskema se tkompli tgħid fid-diversifikazzjoni tal-ekonomija. Fakkar ukoll kif din l-iskema tmur id f’id ma’ skemi oħra li nħarġu.