Aktar min-nofs il-ħaddiema kollha fis-Servizz Pubbliku – ħamsa u ħamsin fil-mija – huma nisa, hekk kif ġiet irreġistrata l-ogħla rata ta’ nisa li jaħdmu f’dan is-settur.
Ħabbar dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, waqt konferenza organizzata mis-Servizz Pubbliku fil-jum iddedikat għan-nisa. Fost l-oħrajn, saru numru ta’ diskussjonijiet bejn ħaddiemali fis-Servizz Pubbliku, liema diskussjonijiet kienu marbuta mal-ħajja tan-nisa mill-aspetti tal-ekonomija u tal-inklużjoni.
Ġie nnutat li, f’dawn l-aħħar għaxar snin, ir-rata tan-nisa fis-Servizz Pubbliku żdiedet b’5 fil-mija, li jfisser li ġew imħajra aktar nisa sabiex jagħżlu karriera fis-Servizz Pubbliku.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni stqarr li huwa dmir is-Servizz Pubbliku li, bħala l-akbar post tax-xogħol f’pajjiżna, ikun mudell għal min iħaddem. Huwa stqarr li dawn iċ-ċifri jixhdu biċ-ċar il-ħidma li saret f’dan ir-rigward.
“Dak il-persentaġġ dejjem żdied matul dawn l-aħħar għaxar snin. Dak ifisser li r-riformi li għamel is-servizz pubbliku, il-miżuri li ħa, dejjem żamm u attratta iżjed nisa lejh.”
Huwa saħaq li l-prinċipju tal-ekwità se jinżamm fiċ-ċentru tal-operat fis-Servizz Pubbliku, sabiex dan il-prinċipju jitħaddem u jinħass kull ġurnata matul is-sena kollha.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni temm jgħid li l-istess riformi u miżuri li ttieħdu sabiex inkisbu dawn ir-riżultati se jkomplu jissaħħu maż-żmien.