Waqt il-mistoqsijiet mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech bilkemm awgura lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-kariga l-ġdida tiegħu bħala Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Dr. Abela qal dan propju ftit minuti wara li ttieħed il-ġurament minn Dr Azzopardi biex b’hekk il-Kap tal-Oppożizzjoni segwa wara l-passi tal-Għaqda Repubblika li wkoll ma ferħitx lill-Kummissarju għall-Istandards il-ġdid.
Il-Prim Ministru tenna d-dispjaċir tiegħu għall-mod ta’ kif l-Oppożizzjoni fil-Parlament ddibattiet dan is-suġġett, tant li pruvat tkisser bniedem qabel daħal fil-kariga.
Dan filwaqt li awgura kemm lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi u kif ukoll lil Imħallef Emeritu Joseph McKeon għall-karigi ġodda rispettivi tagħhom.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni mill-ewwel u għamel sew kif għamilt jien feraħ mill-ewwel lill-Ombudsman, lill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards naqas milli jawguralu ħlief awguri sfurzata ftit tal-minuti ilu. Però ejja nħarsu ’l quddiem u nittama issa li l-messaġġ għandu jkun mhux li nippruvaw inkissru kif għamlet l-Oppożizzjoni fid-dibattitu parlamentari fejn ippruvat tkisser qabel għadu beda. Ejja nħallu lill-Prim Imħallef Emeritu jibda fil-ħidma tiegħu u l-istess ngħid rigward l-Ombudsman. Ejja nħalluh jibda fil-ħidma tiegħu. Persważ li t-tnejn li huma se jagħmlu suċċess.”
Ara wkoll: