“Irridu aktar nisa jwettqu l-ħolm tagħhom f’pajjiżna u jaħdmu f’oqsma emerġenti.”
Kliem mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, fil-Jum Internazzjonali tal-Mara. Hija kienet qed tindirizza avveniment organizzat mit-tim ta’ ‘Female Switch’, logħba li hija immersiva u li toffri sistema ta’ simulazzjoni fejn wieħed jista’ joħloq ambjent surreali bil-għan li jibda n-negozju tiegħu mill-bidu nett.
Dr Abela kellha l-opportunità titkellem ma’ diversi nisa li għamlu użu mil-logħba sabiex jittrasformaw il-ħolm tagħhom f’realtà.
Dr Abela qalet li permezz ta’ din l-idea, fost bosta oħrajn, in-nisa qed ikunu fuq quddiem nett ta’ dak li qed titlob l-industrija tal-intelliġenza artifiċjali. B’hekk, in-nisa fid-dinja tax-xogħol qegħdin jiżdiedu u jiftħu n-negozju tagħhom għax għandhom għarfien aħjar fuq l-industrija. Hija rrimarkat fuq l-inizjattivi li ħa l-Gvern f’dawn l-aħħar snin u li issa qed jagħtu l-frott tagħhom – fosthom l-użu bla ħlas tac-childcare centres.
Permezz ta’ dawn is-servizzi n-nisa qed ikollhom l-opportunità li jidħlu fid-dinja tax-xogħol sabiex jiżviluppaw u jinnovaw, u konsegwentement joħolqu proġetti li l-industrija li hija tant għatxana għalihom.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li tara li n-nisa mhux biss qegħdin jidħlu fid-dinja tax-xogħol, iżda wkoll qegħdin ikunu fuq quddiem nett f’dak li qed jitlob is-settur f’intelliġenza artifiċjali.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija ‘Female Switch’, Violetta Shishkina, spjegat kif il-logħba li ġġib l-istess isem hija maħluqa biex min jixtieq jiftaħ kwalunkwe negozju, jidħol f’dinja fittizja u jitgħallem dwar l-isfidi li jiltaqa’ magħhom fil-vjaġġ tiegħu għas-suċċess.
Hija sostniet li huwa kruċjali li jkollna iżjed nisa li jservu ta’ mudell għal-nisa oħra fl-imprenditorjat u fissret kif dan il-proġett b’teknoloġija emerġenti jagħti spazju biex iżjed nisa jkunu jistgħu jwettqu l-ħolm tagħhom u jidħlu fid-dinja tan-negozju.
Kitba: Luigi Sghendo